Read in English.
Fl-aħħar jiem żewġ gruppi ta’ immigranti ħallew il-Gżejjer Maltin sabiex ikomplu bil-proċess tal-ażil tagħhom f’żewġ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
L-immigranti ġew trasferiti lejn il-Finlandja u r-Rumanija wara talbiet li saru minn Malta sabiex ikun hemm tqassim tar-resposabbilità tal-immigrazzjoni irregolari. Il-ħidma fuq dawn l-inizjattivi saret minn uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi flimkien mal-kontropartijiet tagħhom mill-istati membri l-oħra.
Lejn l-aħħar ta’ din is-sena mistenni jkun hemm aktar immigranti rilokati fi stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea. Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u infurzar tal-liġi qal li din il-ħidma tikkumplimenta inizjattivi li qed jieħu l-gvern fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari, l-aktar biex jonqsu l-wasliet ta’ immigranti irregolari fil-Gżejjer Maltin.