Filmat: Żball li Delia ma jridx jikkonsulta dwar ir-regolatur tal-IIP – Abela

Read in English.

Huwa żball li Delia ma jridx jikkonsulta dwar il-ħatra tar-regolatur tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment skont il-Prim Ministru Robert Abela.

Mal-ġurnalisti Robert Abela qal li xtaq li kieku Adrian Delia ta l-opinjonijiet tiegħu.

“Naħseb li tabdika minn din il-kariga minn din il-parti tant important tal-funzjonijiet ta’ Kap tal-Oppożizzjoni kien żball min-naħa tiegħu,” qal Abela.

Abela stqarr li jixtieq jiddjaloga ma’ Delia mhux biss dwar din il-kwistjoni imma anke affarijeit bħat-tibdil fil-Kostituzzjoni u l-ħatriet fil-ġudikatura. Żied jgħid li b’kollaborazzjoni jkun hemm riżultat aħjar.

Mistoqsi dwar jekk iridx jagħmel tibdiliet fl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, Abela qal li huwa kommess iżomm il-programm. Madanakollu qal li huwa lest li jagħmel t-tibdil neċessarju.

Abela jemmen li huwa programm li ġab ħafna ġid lejn Malta. Qal li fih livell għoli ta’ due diligence u li dan huwa kkonfermat mill-ħafna applikazzjonijiet li jiġu proċessati imma li mbagħad ma jiġux aċċettati.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li qed jirrifjuta li jikkonsulta dwar il-ħatra ta’ regolatur għall-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, l-Oppożizzjoni qalet li ma tara l-ebda ħtieġa li tkun ikkonsultata dwar il-ħatra ta’ persuna bħala Regolatur ta’ skema li għamlet u qed tkompli tagħmel ħsara kbira lil Malta.

Filmat: Miguela Xuereb, Ġurnalista: Monique Agius