Filmat: Zammit Dimech interessat li jkompli f’kariga mhux temporanja

Read in English.

Francis Zammit Dimech qal li huwa kuntent li jibqa’ joffri s-servizzi tiegħu fil-PN jekk l-irwol ta’ Segretarju Ġenerali jibqa’ kif inhu jew jinħoloq rwol simili.

Zammit Dimech li huwa s-Segretarju Ġenerali Interim tal-Partit Nazzjonalista qal dan lil 103 Malta’s Heart. Kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg. Qal li l-pożizzjoni tiegħu hija temporanja u parti minn dan huwa għaliex jaf ikun hemm tibdil fl-istruttura ta’ dan l-irwol.

L-irwoli fil-partit

Zammit Dimech qal li jridu jittieħdu għadd ta’ deċiżjonijiet dwar l-istrutturi tal-PN. Waħda mid-deċiżjonijiet se tkun dwar jekk is-Segretarju Ġenerali għandux ikollu rwol politiku jew kummerċjali. Irid jiġi deċiż jekk minflok Segretarju Ġenerali jkunx hemm President u Viċi-President.

Zammit Dimech spjega li r-rwoli għandhom jiġu konklużi wara li jkun hemm qbil konklussiv dwar ir-riformi. Però, jemmen li hemm bżonn Segretarju Ġenerali Interim minħabba r-riżenja ta’ Clyde Puli bħala Segretarju Ġenerali.

Qal li b’dawn l-ideat kiseb l-irwol b’56 vot kontra 6.

Fi kliem Zammit Dimech, jekk l-irwol ta’ Segretarju Ġenerali jibqa’ kif inhu jew jekk ikun hemm kariga simili, huwa kuntent li jibqa’ joffri s-servizzi lill-PN. Però, jekk dan ma jkunx il-każ huwa lest li jsegwi l-istruttura l-ġdida tal-PN.

L-akbar problema fil-PN: L-għaqda

Waqt l-intervista Zammit Dimech qal li l-akbar problema li kien qed jaffaċċja l-PN kienet dik dwar l-għaqda.

Qal li hemm bżonn sens aktar ċar ta’ għaqda fost il-membri tal-PN. Żied jgħid li din l-għaqda mbagħad tirrefletti r-relazzjoni li l-partit ikollu man-nies.

Għalfejn qed ibati l-PN minkejja l-kriżi politika?

Fr Joe Borg staqsa lil Zammit Dimech għalfejn il-PN ma kiseb xejn mill-kriżi politika li bdiet mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Zammit Dimech qal li dan minħabba l-illużjoni li l-Gvern irnexxielu joħloq.

Qal li s-sejħa għar-riżenja tal-eks PM Joseph Muscat instemgħet wara li nies fl-uffiċċju tiegħu ġew implikati fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fi kliem Zammit Dimech hawn saret l-illużjoni; li dak kollu li n-nies kienu qed jipprotestaw dwaru issolva wara r-riżenja ta’ Muscat. Qal li dan mhux minnu.