Filmat: Żagħżugħ Irlandiż jitgħallem il-Malti f’sentejn u jeċċella fl-A-Level

Żagħżugħ Irlandiż b’għeruq Maltin iddeċieda li jrid jitgħallem il-lingwa Maltija, u fi żmien sentejn kiseb riżultat eċċellenti fl-eżami tal-A-Level tal-lingwa.

Newsbook.com.mt tkellem mal-ġenituri taż-żagħżugħ, filwaqt li rċieva wkoll messaġġ bil-Malti miż-żagħżugħ inniffsu. Alex Harding, li llum għandu 18-il sena, beda jitgħallem il-Malti meta kellu 16-il sena. Hu ddeċieda li jistudja l-Malti għax minn dejjem kien affaxxinat b’Malta bħala pajjiż. Iħobb b’mod speċjali lil Għawdex fejn trabbiet u kibret nanntu.

Il-fatt li jħobb ħafna l-lingwi servih bħala vantaġġ biex tgħallem il-lingwa Maltija u l-pronunċja tagħha aktar malajr. Dan tant li l-marka li kiseb fl-eżami kienet dik ta’ 93%.

L-akbar sfidi li affaċċja Harding kienet in-nuqqas ta’ riżorsi. Qal li riżorsi online hemm ftit wisq, iżda kien irnexxielu jixtri xi kotba tal-Malti mir-Rabat, Għawdex. Il-kotba kienu miktuba minn Charles Daniel Saliba. Harding kien iltaqa’ mal-awtur meta kien attenda għal ġimgħatejn fl-iskola M.A. Refalo.

Hu kiseb ukoll għajnuna kbira mingħand żewġ Maltin li jgħixu l-Irlanda. Christine Ebejer mill-Mellieħa, li bħalissa qed tgħix f’County Meath. Dan wara li għamlu kuntatt mal-konsulat Malti f’Dublin. Skont iż-żagħżugħ, Ebejer hija l-aħjar għalliema li qatt kellu. Hi kienet tgħallmu l-Malti f’daru stess kull nhar ta’ Sibt filgħodu. Kull lezzjoni kienet iddum madwar siegħa.

Intant, Dun Richard Ebejer serva wkoll ta’ għajnuna kbira għaż-żagħżugħ. Hu kien il-kappillan tal-Iskola Sekondarja li kien jattendi għaliha ż-żagħżugħ. Harding baqa’ jgħin lil Dun Ebejer fl-iskola sabiex jassisti studenti li jkunu għadhom se jibdew l-ewwel sena. Meta jkunu qed jaħdmu flimkien, jitkellmu bil-Malti u b’hekk iż-żagħżugħ qed jibqa’ jieħu l-prattika meħtieġa tal-lingwa. Fil-filmat, iż-żagħżugħ qal li hu jipprattika l-Malti wkoll ma’ żewġt iħbieb Għawdxin, Raul Teuma u Maria Spiteri.

Fl-2018, Harding kien żar Malta flimkien ma’ grupp ta’ student minn Maynooth Post-Primary School. It-tama ta’ Harding hija li jkun jista’ jagħmel il-parti tal-istudju tiegħu tal-Erasmus hawn Malta fis-snin li ġejjin. Hu beda l-ewwel sena fl-Università Trinity College of London.