Filmat: YouSafe – pjattaforma t’appoġġ għall-komunità

Fid-dawl tas-sitwazzjoni kurrenti minħabba l-imxija tal-COVID-19 (coronavirus), l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali fi sħubija mal-Kunsilli Lokali kollha f’Malta u Għawdex nediet YouSafe – pjattaforma t’appoġġ komunitarju, biex jgħinu lir-residenti, organizzazzjonijiet u lill-komunità tan-negozju iżommu kuntatt ma’ xulxin. Din il-pjattaforma onlajn tikkonsisti fi 68 Grupp tal-Facebook, amministrati u moderati mit-tim tal-Kunsill Lokali rispettiv.

YouSafe, ippermetta lil 230 membru tal-Kunsill Lokali jaħdmu mis-sigurtà ta’ djarhom filwaqt li jżommu kuntatt mill-qrib mal-komunità rispettiva tagħhom. Il-Pjattaforma se sservi wkoll bħala spazju pubbliku onlajn għad-djalogu bejn il-komunità kummerċjali lokali, l-NGOs, in-netwerks tas-soċjetà ċivili u individwi dwar kif kwistjonijiet partikolari, inizjattivi, ideat u soluzzjonijiet jistgħu jiġu implimentati għall-ġid tal-komunità.

Matul l-aħħar erbat ijiem ta’ ttestjar, 30,000 membru ssieħbu mal-Gruppi tal-komunità lokali rispettivi tagħhom.  

Mario Fava, President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, qal: “Ir-rispons pożittiv li rċivejna s’issa, minn individwi u l-komunità tan-negozju, kien kbir. Lil hinn minn din il-kriżi kurrenti, qed nittamaw li din il-pjattaforma twitti t-triq għal mezz ġdid ta’ komunikazzjoni u interazzjoni mtejba bejn il-Kunsill Lokali u l-komunità. “

Residenti, istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet, NGOs, netwerks tas-soċjetà ċivili u negozji qed jkunu mħeġġa jżuru l-paġna facebook ta’ YouSafeMalta u jingħaqdu mal-Grupp tagħhom skont il-lokalità rispettiva tagħhom.