Filmat: X’tixtieq issir la tikber?

Is-Servizz Pubbliku jiċċelebra l-Jum Dinji tat-Tfal b’kompetizzjoni

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal iċċelebrat mill-UNESCO llum, l-20 ta’ Novembru, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qed iniedi kompetizzjoni għall-istudenti tal-iskejjel primarji li qegħdin fir-raba’, fil-ħames u fis-sitt sena, bit-tema ‘X’tixtieq issir la tikber?’

L-għan ta’ din il-kompetizzjoni huwa li t-tfal minn età żgħira jibdew jaħsbu fuq l-aspirazzjonijiet tagħhom, isiru konxji tal-karrieri diversi li joffri s-Servizz Pubbliku u jirriflettu fuq il-potenzjal tagħhom għall-futur. Dan fid-dawl tal-fatt li kull min jixtieq jagħmel differenza fis-soċjetà tagħna għandu jfittex karriera fis-Servizz Pubbliku.

F’din il-kompetizzjoni, it-tfal huma mistiedna joħolqu tpinġijiet, postcards, mudelli, artikli, stejjer, filmati qosra jew produzzjonijiet artistiċi relatati mat-tema ‘Servizz Pubbliku – X’tixtieq issir la tikber?’.

Permezz tal-edukaturi fi ħdan id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, l-istudenti se jkunu mħeġġa wkoll biex jaraw filmat animat maħdum apposta għalihom bit-tema ‘Is-Servizz Pubbliku: X’joffri?’ sabiex jiksbu tagħrif dwar il-karrieri li joffri s-Servizz Pubbliku.

Id-dettalji u r-regolamenti tal-kompetizzjoni kif ukoll il-filmat animat jistgħu jiġu aċċessati minn fuq il-paġna ta’ Facebook tas-Servizz Pubbliku. 

X'tixtieq issir la tikber?

Kompetizzjoni għat-tfal tar-4, 5 u 6 sena fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal#servizzpubbliku #dejjemmiegħekEdukazzjoni

Posted by Is-Servizz Pubbliku on Friday, November 20, 2020

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.