Filmat: “Xtaqu li jien tlift ħajti fin-nirien” – Chris Borg

Qalb il-ħġieġ imdewweb, il-ħadid mgħawweġ u l-irmied tal-injam li sal-għodwa tat-Tlieta li għadda kienu jiffurmaw il-Wildlife Park fl-Imtaħleb, wieħed seta' jħoss it-tama u d-determinazzjoni tas-sid, li jerġa’ jibni l-park mill-ġdid.
"Bl-għajnuna tal-familja u tal-appoġġ ta’ eluf ta’ nies se nqum fuq saqajja u nkunu aħjar mill-konna", qal ma' Newsbook.com.mt Chris Borg, is-sid tal-park li kważi nqered kompletament min-nirien.
Minbarra li mietu diversi annimali, dakinhar inqerdu wkoll ristorant, numru kbir ta’ gaġeġ, kċina u d-dar personali tal-familja Borg. Statwa tal-Madonna qrib il-vaska ma ġarbet ebda ħsara.
Borg tkellem ma’ Newsbook.com.mt fost l-għajjat tat-tigri waqt li bdew jilagħbu ma’ xulxin u qal li, “Qomt xi l-5 ta’ filgħodu u nnutajt li d-dawl beda jitfi u jixgħel. Hekk kif ħriġt, rajt dija safranija lejn in-naħa ta’ fejn jgħixu t-tigri. Bdejt nisma’ għajjat mhux tas-soltu u rajt li Buddy jitħabat mal-fjammi tan-nar.” Buddy huwa wieħed mil-leopardi li miet fost in-nirien. Chris jitkellem fuq l-annimali tiegħu daqslikieku qed jitkellem dwar uliedu.
“Nisfida lill-animal lovers biex jirritornaw it-tigri”
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar l-opinjoni ta’ xi wħud li annimali eżotiċi ma għandhomx jinżammu f’zoo, Chris qal li, “Jien lest li jekk hawn min hu kapaċi jirritorna l-annimali fis-selvaġġ, nagħti erba’ frieħ ta’ tigri rari biex imorru lura fis-selvaġġ. L-annimali tagħna kollha twieldu minn annimali oħra li ma jgħixux fl-ambjent naturali tagħhom. It-tigri Bengali huma rari ħafna għax qed jinqerdu u jinqatlu; għalhekk jien lest li nirritorna erbgħa lura.” Borg ippropona dan biex dawk li skontu jsibuha faċli jikkritikaw, jagħmlu xi ħaġa konkreta, tant kemm iħobb lill-annimali.
Sorpriżi bis-solidarjetà
Il-familja Borg hija sorpriża bis-solidarjetà kbira li waslitilha mingħand ħafna nies.
Waqt l-intervista, waslet pustiera b’ammont ta’ ittri ta’ appoġġ u ċekkijiet biex jgħinu jinbena l-Park mill-ġdid. Min jaf lil Chris jaf li mhux bniedem li jurik tant emozzjoni minkejja li għandu qalbu tad-deheb, imma ma setax jaħbi d-dmugħ waqt li beda jiftaħ l-ittri u jaqra l-messaġġi.
“Għandna bżonn ħafna għajnuna. Il-ħsara qabżet sew in-nofs miljun ewro. Ebda ċenteżmu li qed nirċievu mhu se jmur biex tinbena d-dar personali li nħarqet ukoll. Għandna accountant, veterinarju u nutar li qed jamministraw kont bankarju li nfetaħ apposta u kull donazzjoni qed tiġi awditjata u kulħadd se jkun jaf fejn intefqu l-flus kollha,” qal Borg biex jassigura lil kulħadd li mhu se jsir ebda gwadann minn din it-traġedja.
Messaġġi li jweġġgħu
Qalb l-eluf ta’ messaġġi li waslu għand il-familja Borg kien hemm messaġġ li min bagħtu xtaq li s-sid tilef ħajtu fin-nirien. “X’qatt għamilt ħażin biex jixraqli ninħaraq ħaj? Lanqas biss naf min hu dan il-proxxmu. Għalfejn din il-mibegħda? Hekk ħaqqha l-familja tiegħi? Staqsa Borg b’leħen miksur.
Ara l-intervista sħiħa fil-filmat li Newsbook.com.mt ħejja għalik. Jekk tixtieq tgħin lill-Wildlife Park tista’ żżur il-paġna uffiċjali fuq Facebook hawn.
Ritratti u Filmat: Ian Noel Pace
Filmat mill-ajru: Team Stealth Rotors