Filmat: Xtaqt li l-ħajja politika tiegħi ma spiċċatx hekk – Muscat

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huwa xtaq li l-ħajja politika tiegħu spiċċat b’mod differenti milli fil-fatt spiċċat. Iżda qal li jemmen li dak li jeħtieġ li jsir għandu jsir.

Il-Prim Ministru kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, One TV.

Muscat qal li ipprefera li jħallas bil-karriera politika tiegħu għall-iżblokk kbir li sar fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Muscat qal ukoll li ma jiddejjaqx bis-sekwenza tal-ġrajjiet li seħħew ġaladarba il-pajjiż issa jaf dak li ġara. Qal li huwa ma xtaqx ikun bħal ħaddieħor li qal li kien jaf min qatel Karin Grech jew lil Raymond Caruana u baqa’ sieket.

Kulħadd jieħu li ħaqqu – Michelle Muscat

Michelle Muscat irreferiet għall-assassinju ta’ Daphne bħala “dan il-kaz” u semmiet li dejjem qalet lil żewġha li l-ġustizzja kellha ssir.

Michelle Muscat żiedet tgħid li qatt ma emmnet li jsiru affarijiet bħal dawn u li kulħadd għandu jieħu li ħaqqu. Insistiet ukoll li huma kienu “sereni”.

Tibżgħux tneħħu l-ħażin – Joseph Muscat

Muscat kien mistoqsi x’parir jagħti lil Chris Fearne u lil Robert Abela li se jikkontestaw għall-kariga ta’ mexxej tal-partit.

“Jien ħeġġiġthom lit-tnejn li huma jikkontestaw għall-elezzjoni ġenerali” qal Muscat. Tahom il-parir li jibqgħu pożittivi, iżommu dak li kien sejjer tajjeb, u ma jibżgħux ineħħu dak li kien ħażin. Huwa qal li ma kienx iħossu offiż jekk ineħħu affarijiet li għamel hu.

Muscat qal li ħadd ma għandu jistenna li huwa jkun fiċ-ċentru jew fuq quddiem tal-arena politika. Enfasizza l-fatt li l-mexxej il-ġdid se jkun jeħtieġ l-ispazju biex jaħdem, iżda fejn ikun irid għajnuna huwa lest li jgħin. Muscat  qal li għall-ġejjieni aktar jistennew li jaraw lill-martu fil-politika milli jaraw lilu.