Filmat: X’se jkun qed jiġri f’lejlet l-Ewwel tas-Sena?

Read in English.

Il-Valletta National New Year’s Eve 2021 Variety Show, li ser jixxandar fuq TVM, Net u One, din is-sena ser jieħu post l-avveniment li s-soltu jsir fil-Belt Valletta lejlet l-Ewwel tas-Sena.
 
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta flimkien mal-Ministeru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u l-Gvern Lokali, llum taw dettalji tal-ispettaklu ta’ tliet sigħat waqt konferenza stampa fi Pjazza D’Armi, il-Forti Sant’Iermu. Minħabba l-miżuri tas-sigurtà kontra l-Pandemija Covid-19, l-ispettaklu mhux miftuħ għall-pubbliku u se jkun dirett fuq it-televiżjoni mill-10pm sas-1am.
 
Is-serata tinkludi l-Palace String Orchestra li hija magħmulha minn 12-il mużiċist taħt id-direzzjoni ta’ Ryan Paul Abela, u li ser tkun akkumpanjata minn uħud mill-aqwa artisti Maltin fosthom Amber, Aidan, Jasmine u Kevin Paul. Is-serata tinkludi wkoll lit-tim lokali magħruf Min Imissu? Is-semifinalisti ta’ Britain’s Got Talent l-Ember Trio se jkunu qed jesegwixxu f’postijiet ikoniċi tal-Belt Valletta fosthom ġewwa l-kon-katidral ta’ San Ġwann u huma l-qofol tal-ispettaklu. Il-Kummidjant famuż Ingliż Michael McIntyre ser jagħti l-prestazzjoni tiegħu matul is-serata. L-ispettaklu se jkun ippreżentat minn Ben Camille, flimkien ma’ Andreana DeBattista.
 
Wirja speċjali ta’ logħob tan-nar mill-Port il-Kbir u l-inħawi ser titella’ f’nofsillejl.
 
Il-Valletta National New Year’s Eve 2021 Variety Show qed jiġi organizzat mill-G7 Events, bl-appoġġ tal-Ftehim ta’ Sħubija għal avvenimenti fuq skala kbira u inizjattiva mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, Kultura u Gvern Lokali.
 
Il-Ministru Jose Herrera tenna, “Il-kuraġġ u r-reżiljenza li urejna bħala nazzjon matul l-2020 ser iwassluna biex l-2021 tkun waħda li rridu nħarsu lejha b’mod pożittiv, b’aspirazzjoni u b’determinazzjoni li nerġgħu naqbdu t-triq tan-normalità. Huwa għalhekk li nemmnu li din l-inizjattiva hija waħda importanti għaliex filwaqt li qiegħdin nadattaw għar-realtà preżenti xorta waħda ser inkunu qiegħdin nagħtu spettaklu televiżiv li jilħaq l-għola livell lill-pubbliku Malti”.
 
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal, “Minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-Pandemija Covid-19, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena din is-sena ser iseħħu bħala spettaklu lajv fuq it-tliet stazzjonijiet prinċipali TVM, One u Net fi spettaklu ta’ għaqda nazzjonali. L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għamlet biċ-ċert li tkompli tgħolli l-moral waqt lejla speċjali b’avveniment ieħor ta’ kwalità mill-Forti Sant’Iermu u postijiet oħra fil-Belt Valletta, filwaqt li noħolqu tama għas-sena li ġejja”.