Filmat: X’se jiġri mill-istudenti Maltin aċċettati għall-Erasmus fir-Renju Unit?

In-Negozjatur Ewlieni tal-Unjoni Ewropea għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea Michel Barnier qal li hemm bżonn ftehim speċifiku biex jitwal il-programm tal-Erasmus kemm minħabba finanzi u anke minħabba loġistika.

Mistoqsi jgħid x’se jiġri mill-istudenti Maltin li ġew aċċettati f’Universitajiet fir-Renju Unit għall-programm Erasmus, Barnier qal li huwa jittama li l-istudenti Maltin ikunu jistgħu jkompli jmorru jistudjaw fir-Renju Unit u anki studenti Ingliżi jkunu jistgħu jiġu f’Malta.

Michel Barnier kien qed iwieġeb għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt wara l-konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fejn din il-kamra tal-aħbarijiet flimkien ma’ oħrajn ma tħallewx jistaqsu l-ebda mistoqsija.

AQRA: Il-Gvern ma jħallix ġurnalisti jistaqsu f’Kastilja

Qal li l-programm Erasmus għandu wkoll il-kooperazzjoni ta’ pajjiżi ‘l barra mill-Unjoni Ewropea bħalma huma n-Norveġja u l-Isvizzera u għalhekk saħaq li jittama li dan ikun anke l-każ għar-Renju Unit biex aktar studenti jibbenefikaw minn dan il-programm.

Dwar il-programm tal-Erasmus, Barnier qal li dan “kien, għadu u jibqa’ wieħed mill-aktar programmi pożittivi tal-Unjoni Ewropea”. Fisser li dan huwa wkoll l-aktar programm umani għaliex jilħaq liż-żgħażagħ Ewropej. Saħaq iżda li minħabba li r-Renju Unit iddeċieda li jitlaq mill-Unjoni, ma jistax jibqa’ jitqies bħala “business as usual”.