Filmat: “Xokkanti li qed iżarmaw il-mafkar ta’ Daphne” – MEP Ġermaniż

mafkar daphne ġustizzja

Posted by Occupy Justice Malta on Thursday, September 20, 2018

Xokkanti li l-mafkar ta’ Daphne qed jiżżarma darba wara oħra mill-Pulizija, qal l-MEP Sven Giegold li hu wieħed mill-MEPs fil-Grupp ta’ Monitoraġġ dwar is-Saltna tad-Dritt li qegħdin f’Malta bħalissa.

Minkejja li Daphne Caruana Galizia ma kinitx tinġieb minn kulħadd, l-investigazzjoni hi dwar qtil inġust, u dak għandu jibqa’ l-punt ewlieni. Bix-xemgħa f’idu, lesta biex jixegħlha quddiem il-mafkar ta’ Daphne, l-MEP Sven Giegold spjega li wara mewt, għandhom isegwu n-niket u r-rispett, imma f’Malta, dawn ħadulhom posthom il-kliem ta’ mibegħda.

Giegold żied li din hi kwistjoni umanitarja, u mhux ta’ politika partiġġjana, u qal li dan insista fuqu mal-Ministri u l-Membri Parlamentari li ltaqa’ magħhom illum. Dan il-każ jikkonċerna lill-Unjoni Ewropea għax meta tinqatel ġurnalista, ikun sinjal tad-dgħufija tas-Saltna tad-Dritt, kif ġara wkoll fl-Islovakkja, spjega l-MEP.

L-MEP żied jgħid li għandu jkun hemm post pubbliku fejn in-nies ikunu jistgħu jesprimu n-niket tagħhom dwar dan il-qtil, u fejn Daphne tkun tista’ tingħata r-rispett li jixirqilha. Giegold qal li l-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ġustizzja għandhom isibu soluzzjoni.

Giegold u l-MEP Roberta Metsola mbagħad poġġew xemgħa quddiem il-mafkar ta’ Daphne, filwaqt li qattgħu ftit minuti fis-silenzju.

Dan wara konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-MEPs, fejn saħqu li hu ta’ uġigħ il-qalb li jaraw din il-mibegħda kollha lejn il-ġurnalista assassinata.