Filmat: Xogħlijiet iniġġsu l-baħar f’Tas-Sliema u l-Gżira – FAA

Read in English.

Il-baħar ta’ bejn Tas-Sliema u l-Gżira jinsab imniġġes bit-trab minħabba x-xogħol li qed isir fil-lido li qed jinbena.

Dan l-iżvilupp qed isir fuq sit fejn hemm 36 speċi ta’ koralli mediterranji bl-isem ta’ Cladocora Caespitosa. Skont il-Unjin Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) dawn l-ispeċi qegħdin f’riskju li jiġu estinti.

Fi stqarrija Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), Tuna Artna Lura, NatureTrust Malta u Inħobbu l-Gzira qalu li l-Awtorità tal-Ippjanar tat-il-permess li jinbena dan il-lido, iżda kellha diversi mistoqsijiet dwar ir-rilokazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fi bnadi oħra fosthom il-Port ta’ Marsamxett. Wara li ġew rilokati tliet kolonji, l-Awotrità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet li dawn ir-rilokazzjonijiet ma rnexxewx.

L-għaqdiet spjegaw li minn dakinhar kien hemm silenzju fuq ir-rilokazzjoni ta’ dawn l-ispeċi u x-xogħol baqa’ għaddej. Huma sostnew li l-interess tan-negozjanti qed jerġa’ jiġi qabel tar-resdenti. Żiedu li r-residenti mhux biss ma jistgħux jimxu fuq il-bankini għax ittieħdu mis-sidien tar-restorants imma qed jiġu miċħuda mix-xatt li fuqu qed jinbena dan il-lido.

L-għaqdiet mhux governattivi jinsabu inkwetati jekk saritx ħsara irreparabbli lil dawn il-koralli u jekk hux se jkun hemm aktar ħsara ġġenerata minn dan l-iżvilupp. Huma jinsabu mħassbin kif il-Kunsill Lokali tal-Gżira mhux jitkellem dwar dan fl-interess tar-residenti Gżirjani.