Filmat: Xogħlijiet ġodda minn kompożituri Maltin

Read in English.

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO) ħabbret it-tnedija ta’ CD ġdida Contemporary Colours maħruġa minn Navona Records. L-album fih xogħlijiet ġodda minn kompożituri Maltin mal-orkestra taħt il-bakketta tas-Surmast Direttur Sergey Smbatyan.

Waqt li tippreżenta għażla ta’ xogħlijiet minn kompożituri innovattivi, is-CD tgħaqqad orkestrazzjoni sħiħa ma’ elementi rreġistrati minn qabel, strumenti tradizzjonali u ħsejjes kontemporanji biex tagħti l-ħajja lill-biċċiet fis-CD. Ir-repertorju fih Three Pieces ta’ Euchar Gravina, Waiting ta’ Mariella Cassar-Cordina, Mesogeios ta’ Cristopher Muscat, Fine Line ta’ Véronique Vella, Riħ (Wind) ta’ Alexander Vella Gregory u Xamm (Scent) ta’ Albert Garzia.

Contemporary Colours kien irrekordjat f’Jannar fiċ-ċentru tal-mużika tal-orkestra f’Robert Samut Hall u prodott minn Parma Recordings. L-album se joħroġ f’format fiżiku u diġitali fl-20 ta’ Novembru, u hu mqassam minn Naxos fuq Spotify, Apple Music, Amazon fost pjattaformi oħra.

Appoġġjat minn Festivals Malta, il-proġett għandu l-għan li jenfasizza l-mużika Maltija u jisfrutta l-missjoni tal-MPO li taġixxi bħala esponent ħerqan tal-kompożituri Maltin f’Malta u anki barra.

Il-katalgu onlajn jinstab hawn.