Filmat: Xogħlijiet fil-pont bejn Ħal Qormi u l-Marsa

Wara l-kollass tal-pont ta’ Ġenova żdied ferm it-tħassib dwar pontijiet madwar l-Ewropa inkluż f’Malta. Pont partikulari huwa dak ta’ bejn Ħal Qormi u l-Marsa.

Il-Ministeru għat-Trasport ħabbar li qed jinbidel il-wiċċ tal-pont biex tkun introdotta protezzjoni adegwata ta’ waterproofing, permezz ta’ waterproof membrane protettiv fuq medda ta’ 1,400 metru kwadru kif ukoll saffi ġodda ta’ asfalt. Il-pont fih 40 kolonna u skont l-istqarrija ix-xogħlijiet inizjali inkludew it-tneħħija ta’ partijiet mis-saff ta’ barra tal-konkos ta’ uħud mill-pilastri biex isiru testijiet fuq il-kolonni tal-azzar.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li l-Gvern qed jipprepara għall-futur bil-bini mill-ġdid ta’ diversi toroq u jassigura li l-utenti tat-toroq jużaw strutturi siguri u b’saħħithom.