Filmat: Xogħlijiet fi Triq l-Imġarr “riżultat tat-telqa”

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li x-xogħlijiet li qed isiru fi Triq l-Imġarr fin-Nadur huma riżultat tat-telqa u nuqqas ta’ deċiżjonijiet li ma ttiħdux fil-passat.

Waqt li tat rendikont tax-xogħol li qed isir flimkien mat-tim tekniku mmexxi mill-Perit Adrian Mifsud, li hu Inġinier Ġeotekniku, il-Ministru Caruana qalet li x-xogħol fuq din it-triq ma jinkludix biss xogħol kosmetiku imma hu proġett infrastrutturali massiċċ.

Qalet li l-Ministeru ħa dan il-pass biex din it-triq terġa’ tinbena mill-ġdid peress li hija waħda importanti għall-immaniġġjar tat-traffiku u qalet li kienet qed tesponi lill-pubbliku u s-sidien tal-proprjetà fl-inħawi għall-riskji kbar. Semmiet ukoll li ġew ikkonsulati esperti barranin.

Il-Perit Mifsud ta spjegazzjoni dettaljata ta’ fiex wasal ix-xogħol. Huwa spjega li peress li minn taħt it-triq għaddejjin 3 nixxigħat tal-ilma, dawn komplew jiddegradaw il-bażi tat-triq. Il-Perit Mifsud qal li mir-riżultati jidher li t-triq trid tinbena b’disinn partikolari li jirrifletti l-karatteristiċi naturali li fuqha nbniet t-triq.