X’miżuri jidħlu fis-seħħ illum?

Miguela Xuereb

Mil-lum se jidħlu għadd ta’ miżuri restrittivi fis-seħħ minħabba l-imxija tal-coronavirus, issa li l-każijiet f’Malta reġgħu żdiedu ġmielhom.

Dawn tħabbru mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar it-Tnejn li għadda.

Il-miżuri huma:

  • Se jingħalqu nightclubs, discos, bars u każini
  • Boat parties mhumiex permessi li jsiru
  • Mhumiex permessi ġemgħat ta’ aktar minn 15-il ruħ
  • Il-maskri obbligatorji f’kull post pubbliku
  • Irrakkomandat tilbes il-maskra jekk twassal lil xi ħadd xi mkien
  • Se jsiru random tests fuq passiġġieri li jaslu Malta

Rigward il-bars, inqalgħet kontroversja billi skont l-avviż legali ppubblikat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, dawn jistgħu jibqgħu miftuħin diment li jservu xi ħaġa tal-ikel, ngħidu aħna pakkett krisps. L-Assoċjazzjoni Medika Maltija qed tikkunsidra li terġa’ tieħu azzjoni industrijali fuq din il-kwistjoni għax sostniet li dan l-avviż legali hu għalkollox kontra dak li tħabbar.

Intant, il-Gvern ippubblika l-lista tal-pajjiżi oranġjo, jiġifieri dawk il-pajjiżi li minn nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Awwissu, f’nofsillejl, kull min jasal f’Malta minnhom, irid jissottometti ċertifikat ta’ riżultat negattiv ta’ COVID-19 Polymerase Chain Reaction (PCR) test.

Din il-lista tinkludi r-Rumanija, il-Bulgarija u tlett ibliet Spanjoli (Barċellona, Madrid u Girona), iżda l-lista se tibda tiġi aġġornata ta’ kull ġimgħa wara li tiġi evalwata s-sitwazzjoni.

Apparti hekk, mit-28 ta’ Awwissu, it-tiġijiet kollha jridu jsiru f’ambjent ta’ ristorant.

Malta issa għandha total ta’ 648 każ attiv tal-coronavirus.