Filmat: X’laqtu lil Macron f’Palazzo Parisio?

Il-bini ta’ Palazzo Parisio fil-Belt Valletta ġibed l-interess tal-President Franċiż Emmanuel Macron meta nduna bir-rabta li għandu dan il-bini mal-Ġeneral Franċiż Napuljun Bonaparte.

Aqra: Filmat: Jipprotestaw waqt konferenza tal-aħbarijiet tas-summit f’Malta

Milqugħ mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela, il-President Macron żar din il-binja qabel is-summit tas-seba’ pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea MED7, fejn is-Segretarjat tal-Ministeru wkoll ingħata l-opportunità jiltaqa’ mal-President.

Bejn tbissima u tnejn mal-Ministru Abela, ġiet irrakkontata lil Macron l-istorja tal-Franċiżi f’Malta, meta ħakmu din il-gżira fit-12 ta’ Ġunju 1798. F’dan iż-żmien, il-Ġeneral Napuljun Bonaparte, li ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh, daħal f’Palazzo Parisio, li llum huwa s-sede tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.

Is-sebat ijiem movimentati li għamel f’dan il-bini huma kkommemorati permezz ta’ bust tal-irħam li jinsab fil-kamra minn fejn kien jaħdem, u li llum hija l-uffiċċju tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela. F’din l-okkażjoni, ma setax jonqos li l-President Macron jieħu ritratt bħala tifkira mal-bust tal-irħam ta’ Napuljun.