Filmat: X’jiġri meta jmutu l-ġenituri ta’ persuna bid-down syndrome?

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna spjega kif ma hemmx mod wieħed u identiku għal kif jiġu trattati każijiet meta persuna bid-down syndrome tispiċċa titlef il-ġenituri tagħha.

Scicluna qal dan f’intervista ma’ Newsbook.com.mt fejn spjega li jkun hemm sitwazzjonijiet fejn il-ġenituri jkunu diġà ħasbu għall-futur ta’ wliedhom. Qal li jkun hemm persuni li jidħlu jgħixu fi djar residenzjali, jew inkella li jibdew jiġu ssapportjati mill-familja biex ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fid-dar tagħhom jew tal-ġenituri tagħhom.

Aqra: Filmat: “Bidlitli ħajti li għandi tifla, mhux għax bid-down syndrome” – omm

Il-Kummissarju kompla jispjega kif l-istat huwa obbligat bil-Konvenzjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità sabiex ħadd ma jitħalla għal rieħu. Qal meta l-ġenituri jmutu ħabta u sabta, ġeneralment jidħol jagħti l-għajnuna tiegħu l-Istat, meta dan ikun notifikat. Spjega li l-Istat mhux dejjem ikun notifikat, madanakollu minħabba li f’Malta l-komunitajiet huma żgħar u kulħadd jaf lil kulħadd, faċli li ilment jasal għand il-Kummissjoni jew Aġenzija Appoġġ. Spjega li ġieli anke l-politiċi jirċievu rapporti tat-tip.

“Li jkollhom saqaf fuq rashom mhux biżżejjed”

Scicluna kompla jgħid li persuna jkollha saqaf fuq rasha mhux biżżejjed imma d-dinjità tal-individwu u d-dritt li jitħalla jagħmel l-għażliet tiegħu huma importanti. Qal li hemm bżonn li l-għażliet ta’ persuni b’diżabilità, anke dawk b’diżabilitajiet intellettwali b’ħad-down syndrome, jitħallew jagħżlu fejn jgħixu bl-għajnuna u l-gwida tal-ħaddiema soċjali.

Aqra: Filmat: “Minn dejjem kienet tħobb il-kamera” – omm Francesca

Hawnhekk enfasizza l-bżonn li jiġu involuti aktar ħaddiema soċjali fil-qasam. Sostna li dan mhux għax il-ħaddiema li hemm bħalissa fis-settur mhux tajbin, imma għax dawk kurrenti għandhom piż kbir fuqhom u mhux jirnexxielhom ilaħħqu mad-domanda.

“L-Aġenzija Appoġġ tintervjeni meta ġenituri jiġu neqsin”

Scicluna kompla jispjega li meta għandek persuna li qed tgħix waħedha għax mietu l-ġenituri jew il-gwardjani legali, l-Aġenzija Sapport, bil-ħaddiema soċjali tagħha, tintervjeni biex issib residenza għal din il-persuna.

Aqra: Tfajla ta’ 20 sena bid-Down Syndrome ssir il-wiċċ il-ġdid ta’ ditta tal-kożmetiċi

Qal li fil-passat kien hemm xi każijiet tat-tip imma dan kien numru żgħir. Sosnta li hu ma jinteressahx min-numru ta’ każi, iżda jinteressah minn kull każ, mill-persuni nnifishom. Qal li minħabba f’hekk hawn bżonn aktar ħaddiema soċjali sabiex ikunu jistgħu jigwidaw lil dawn il-persuni u jgħarrfuhom bid-drittijiet tagħhom.

Intant qal li l-Kummissjoni bħalissa għaddejja b’sessjonijiet ma’ persuni b’nuqqasijiet intellettwali li qed jgħixu fir-residenzi ta’ Aġenzija Sapport biex tinfurmahom bid-drittijiet tagħhom.

Filmat: Miguela Xuereb