Filmat: X’jiġri jekk ikun hemm każ ta’ coronavirus fuq cruiseliner?

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li jekk ikun hemm każ tal-coronavirus fuq cruiseliner, ħadd ma jitħalla jinżel Malta, la l-passiġġiera u lanqas l-impjegati.

Dan qalitu waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda, meta Newsbook.com.mt staqsieha x’inhu l-protokoll jekk persuna fuq cruiseliner tinstab pożittiva għall-coronavirus, billi l-Ġimgħa filgħodu wasal l-ewwel cruiseliner f’Malta minn Marzu ‘l hawn.

Hija wieġbet li d-deċiżjoni hi li n-nies abbord ma jitħallewx jinżlu Malta, imma l-cruiseliner jingħata l-assistenza medika meħtieġa li jkollu bżonn, u jitħalla jittrakka Malta.

Apparti dan, kull meta cruiseliner jiġi Malta jrid jippreżenta d-Dikjarazzjoni Marittima tas-Saħħa.

Prof. Gauci spjegat li l-cruiseliners fasslu għadd ta’ protokolli sabiex il-vaganzi fuqhom ikunu siguri, wara li huma kienu fost l-aktar postijiet riskjużi fil-bidu tal-pandemija, meta bdew ifeġġu l-każijiet tal-coronavirus madwar id-dinja. Issa, il-cruiseliners ħadu ħsieb jaħsbu f’miżuri li jinkludu l-ittestjar li jsir, kemm jitħallew nies fuq il-vapur u n-nies li jitħallew jinżlu l-art, apparti l-użu tal-maskri.