Filmat: “X’jibqa’ fik meta tara li ħdimt għalih terrapien?”

Caroline u Winston Micallef, il-koppja li spiċċat bla saqaf fuq rasha meta ġġarrfitilha darha f’Tal-Pietà, qalet li dak kollu li ħadmu għalih f’ħajjithom kollha spiċċa terrapien quddiem għajnejhom f’sekonda. Huma appellaw lill-Prim Ministru Robert Abela biex jiltaqa’ magħhom sabiex jiddiskutu s-sitwazzjoni tagħhom.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Caroline qasmet id-diqa tagħha dwar is-sitwazzjoni tagħha u ta’ żewġha. Saħqet li dak kollu li ħadmet għalih tul ħajjitha spiċċa terrapien f’sekonda, quddiem għajnejha. Tkellmu fuq it-trawma li għaddew minnha u qalu “mhux talli kissru lilna, talli kissru lill-familji tagħna wkoll.” Caroline qalet li meta tara lill-ġenituri tagħha, li għandhom iżjed minn 75 sena, ibatu magħha, “ma jifdal xejn ġo fik.”

Appell lill-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ laqa’ f’Kastilja lir-residenti li kienu joqogħdu fil-blokka appartamenti li ġġarrfet f’Ġunju li għadda fi Gwardamanġa. Fosthom kien hemm Janet Walker, li sejħet din il-laqgħa “l-ewwel pass” u Raymond Brincat, li minħabba t-trawma, iggravatlu l-kundizzjoni taz-zokkor u t-tobba kellhom jaqtgħulu parti minn siequ, u b’hekk issa qiegħed f’siġġu tar-roti.

Il-koppja Micallef ma rċivewx stedina għal din il-laqgħa, minkejja li ilhom minn April li għadda bla dar. Caroline kitbet fuq Facebook dalgħodu li mhux beħsiebha taqta’ qalbha. Huma jixtiequ li jiltaqgħu mal-Prim Ministru, “imqar għal nofs siegħa.”

Huma bħalissa qegħdin joqogħdu f’appartament ipprovdut lilhom mill-Awtorità tad-Djar, imma għadhom ma jafux x’se jiġri minn darhom u mill-affarijiet tagħhom ġod-dar. Fuq il-każ tagħhom ma nfetħitx inkjesta maġisterjali bħalma nfetħet fuq il-każ tar-residenti ta’ Gwardamanġa. Sadattant, ix-xogħol maġenb il-flett tal-familja Micallef baqa’ għaddej ġmielu.

“Meta Caroline tkun imdejqa, ngħinha; meta jien inkun imdejqa, tgħin lili”

Preżenti għall-intervista kien hemm ukoll Janet Walker, li ġralha l-istess ħaġa f’darha xahrejn wara Caroline u Winston Micallef. Huma sabu wens f’xulxin f’din is-sitwazzjoni, u ngħaqdu fl-appell tagħhom lill-awtoritajiet biex ikollhom iżjed saħħa.

Janet stqarret li meta Caroline tkun imdejqa, hija tgħinha tħossha aħjar. L-istess meta Janet tkun imdejqa, Caroline tferraħha. Minkejja li jitkellmu kuljum bil-messaġġi, waqt din l-intervista kienet l-ewwel darba li Janet u Caroline ltaqgħu wiċċ imb wiċċ.

“Kbir kemm inti kbir qatt m’għandek tirfes fuq iż-żgħir”

Il-koppja insistiet li jeħtieġ li tintemm din is-sitwazzjoni. “Inti kbir kemm inti kbir qatt m’għandek tirfes fuq iż-żgħir,” qalet Caroline hi u tindirizza lill-iżviluppaturi. Hija appellat lill-pubbliku biex jappoġġjaha, għax qalet li din is-sitwazzjoni se tirrepeti ruħha jekk ma jibdiex isir infurzar, u jekk in-nies ma jqumux fuq saqajhom u jappoġġjaw lil dawn il-vittmi.

Filmat: Sarah Cassar Dymond