Filmat: X’jaħseb Robert Abela dwar l-abort, id-droga u l-prostituzzjoni?

Read in English.

Robert Abela tkellem dwar tliet suġġetti li jinsabu fil-mira tad-diskussjonijiet fil-pajjiż: l-abort, il-prosituzzjoni u l-kannabis. Hu kien qed jiġi intervistat LIVE minn Fr Joe Borg fuq Newsbook.com.mt. Abela qed jikkontesta l-irwol ta’ Mexxej tal-Partit Laburista wara li Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed jirreżenja f’Jannar.

“Assolutament le għall-abort”

Abela sostna li hu kompletament kontra l-legalizzar tal-abort. Qal li l-akbar għożża ta’ ħajtu hija bintu. Hu tkellem dwar kif beda jiċċelebra l-festa tal-Milied billi żar lis-sorijiet tal-Ursolini. Qal li kienet esperjenza li affaxxinatu ħafna, speċjalment meta ra t-tip ta’ kura li dawn is-sorijiet jagħtu lill-20 tarbija li jrabbu.

“Il-prostituzzjoni m’għandhiex tibqa’ reat”

Intant, Abela sostna li jemmen li l-prostituzzjoni ma għandhiex tibqa’ titqies bħala reat. Qal li llum hawn sitwazzjoni assurda fejn prostituta jew prostitut, li jkunu mgħobbija b’ħafna problemi soċjali u qed jagħmlu dan ix-xogħol għax ma għandhomx mezz ieħor, jinqabdu u jeħlu disa’ xhur priġunerija effettiva jew sospiżi. Qal li dan filwaqt li l-klijent ma jeħel xejn.

Irrimarka li jekk il-prostituzzjoni jitneħħa minn reat, mela hemm bżonn li jkun hemm strateġija sabiex kull min jagħmel dan it-tip ta’ xogħol, jingħata l-għajnuna sabiex joħroġ mill-problema.

“Il-legalizzazzjoni tal-kannabis mhix prijorità”

Filwaqt li sostna li hu liberali, irrimarka li l-legalizzazzjoni tal-kannabis, f’dan iż-żmien, mhix il-prijorità ewlenija tal-pajjiż. Qal li bħalissa għaddejja diskussjoni u fl-aħħar żmien, il-kannabis ġiet legalizzata f’Malta għal skopijiet mediċi. 

Irrimarka li hu pjuttost liberali fil-ħsibijiet tiegħu u ma jeskludi xejn. Madanakollu insista li għad hemm bżonn ħafna aktar diskussjonijiet xi jsiru qabel ma tiġi dekriminalizzata l-kannabis għall-użu rikreattiv.