Filmat: X’jaħseb Manuel Mallia dwar is-sitwazzjoni preżenti?

Il-Membru Parlamentari Laburista Manuel Mallia baqa’ fommu sieket dwar is-sejħa għar-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.  

Għall-mistoqsijiet ta’ ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt meta llejla kien ħiereġ mill-Parlament, l-Eks Ministru u Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) ma kellu xejn xi jwieġeb għajr tbissem u għolla spallejh.

Joseph Muscat kien talbu jirriżenja

Dr Manuel Mallia kien intalab jirriżenja minn Ministru mill-Prim Ministru Joseph Muscat fit-8 ta’ Diċembru 2014. Dak iż-żmien huwa kien il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Dan b’rabta mal-isparatura mix-xufier tiegħu li seħħet fid-19 ta’ Novembru.

X’kien ġara dakinhar?

Ix-xufier ta’ Mallia, il-kuntistabbli Paul Sheehan kien spara żewġ tiri ta’ twissija wara li l-karozza tal-Ministru ntlaqtet minn vettura li baqgħet sejra. L-inċident seħħ il-Gżira għall-ħabta tad-9pm. Ix-xufier tal-Ministru saq għal warajh u laħqu fl-inħawi tal-pixxina f’Tal-Qroqq. Is-sewwieq tal-karozza kellu flixkun tal-birra f’idu.

Għaliex kellu jirriżenja Manuel Mallia?

Il-Prim Ministru Joseph Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet kien qal li filwaqt li Manuel Mallia ma kienx involut fil-każ, kellu d-dover li jassigura li l-istqarrija tal-Gvern ma jkunx fiha skorrettezzi. Qal li l-bord tal-inkjesta, li kienet immexxija minn tliet eks-ġudikanti, qal li Mallia żbalja li ma ħariġx korezzjoni mill-ewwel. Għaldaqstant, stqarr il-Prim Ministru, li Mallia kellu jerfa’ r-responsabbiltà u jirriżenja.  B’rabta mal-istess każ Ray Zammit kien tneħħa wkoll minn Aġent Kummissarju tal-Pulizija u minfloku kien inħatar Michael Cassar.

Filmat: Monique Agius