Filmat: X’jaħsbu l-MEPs Maltin dwar Brexit?

Read in English.

L-akbar inkwiet għall-Membri Parlamentari Ewropej Maltin fejn jidħol Brexit bla ftehim jidher li huwa l-istatus taċ-ċittadini.

Newsbook.com.mt tkellem mas-sitt Ewroparlamentari Maltin waqt il-plenarja fi Strasburgu fejn waħda mid-diskussjonijiet kienet propju Brexit u l-andament tiegħu. Propju nhar l-Erbgħa li għadda, il-Parlament Ewropew iddeċieda li japprova mozzjoni ta’ reżoluzzjoni li qajmet dibattitu dwar kif se tkompli l-ħidma għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Din ir-reżoluzzjoni ġiet adottata mill-MEPs b’544 vot favur, 126 kontra u 38 astensjoni. Fost l-oħrajn, ir-Renju Unit ingħata ċ-ċans li jattiva Artiklu 50 biex id-data ta’ Brexit terġa’ tiġi estiża sabiex ikun hemm aktar żmien biex jintlaħaq ftehim.

Aqra: Ir-Renju Unit jingħata ċ-ċans jitlob għal estensjoni oħra għal Brexit

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa sostna li issa hija l-Ingilterra li trid tiddeċiedi x’se tagħmel. Dan hekk kif l-Unjoni Ewropea tat l-arranġament tagħha diġà, li huwa dak maqbul mal-eks Prim Ministru Theresa May. Sostna li d-diskussjonijiet tal-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson ma’ Jean Claude Juncker fil-Lussemburgu wrew b’mod ċar li l-Parlament Ingliż għadu ma ressaqx proposti bil-miktub dwar xi jrid sabiex il-proċess ta’ Brexit jingħalaq.

Min-naħa tagħha, l-MEP Laburista Josianne Cutajar qalet li Brexit huwa pjaga għall-Maltin hekk kif ir-Renju Unit ħafna drabi kien alleat ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Qalet li ħruġ mingħajr ftehim se jġib ħafna inċertezza. Staqsiet jekk id-dwana hux se tibda titħallas jew le. Qalet li għadu mhux ċar x’inhuma l-effetti fuq il-persuni u familji Ewropej, inkluż dawk Maltin, li jgħixu fir-Renju Unit u viċi versa. 

Intant, l-MEP Laburista Alfred Sant qal li sa issa għadu ħadd ma jaf ir-riperkussjonijiet ta’ Brexit x’se jkunu. Sostna li kull pajjiż qed jipprepara għall-agħar xenarju.

L-MEP Roberta Metsola qalet li tibqa’ tittama li Brexit bla ftehim ma jseħħx. Qalet li bħalissa l-Parlament Ewropew qed ikompli jinnegozja sabiex isiru l-arranġamenti neċessarji fejn jidħlu l-mediċini, l-ikel li jidħol u joħroġ mill-Ingilterra, titjiriet mill-Ingilterra lejn l-Ewropa u l-possibilità li ċ-ċittadini jkollhom id-drittijiet tagħhom garantiti.

Min-naħa tiegħu, l-MEP Alex Agius Saliba qal li r-riperkussjonijiet huma kbar. Bħala Unjoni Ewropea u stati membri. Sostna li jinkwieta ħafna għar-raġuni li hemm bżonn ta’ serħan il-moħħ liċ-ċittadini Ewropej li jgħixu fir-Renju Unit u viċi versa. Qal li hemm bżonn li tingħata wkoll ċertezza lin-negozji żgħar u medji li għandhom relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea.

Imbagħad, l-Ewroparlamentari Miriam Dalli qalet li l-Parlament Ewropew fil-maġġoranza tiegħu jixtieq sitwazzjoni fejn id-data tal-31 ta’ Ottubru tiġi posposta sabiex jintlaħaq ftehim. Sostniet li l-interess ewlieni tal-MEPs huwa li dawk il-Maltin u residenti jkunu protetti. Filwaqt li jkun assigurat li żgħażagħ li qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom ikunu jistgħu jkomplu jagħmlu dan. Semmiet ukoll il-qasam tal-farmaċewtika hekk kif ħafna mill-mediċini jiġu mir-Renju Unit u bl-istruzzjonijiet bl-Ingliż. 

Intervista sħiħa