Filmat: X’jaħsbu dwar l-ewro t-tfal barranin f’Malta?

Sabiex jiġu edukati dwar l-ewro, eluf ta’ studenti ser jirċievu fuljett li tħejja mill-Bank Ċentrali ta’ Malta f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Kurrikulu, Tagħlim tul il-Ħajja u Impjegabbiltà.

Fiex jikkonsisti dan il-fuljett?

Il-fuljett ġie stampat bil-kulur u jinkludi viżwali ċari biex iżomm lill-qarrej jaqra. Barra minn hekk, hemm verżjoni bil-Malti u oħra bl-Ingliż sabiex jinftiehem minn udjenza kemm jista’ jkun wiesgħa.

Dan il-fuljett jgħin lill-istudenti jidentifikaw il-karti tal-flus tal-ewro ġenwini u jgħinhom ukoll jagħrfu l-muniti billi jfittxu karatteristiċi partikolari bil-metodu ta’ ‘feel, look and tilt’.

Skont stqarrija mill-Bank Ċentrali “karatteristika innovattiva ta’ dan il-fuljett hija pocket inkorporat li fih cut-outs ta’ muniti u karti tal-flus stampati li huma ideali biex jgħinu lill-istudenti jifhmu l-prinċipji fundamentali tal-ewro permezz tal-logħob.” Intqal ukoll li dawn il-flus foloz jistgħu jservu ta riżorsa tajba għall-għalliema fit-tagħlim tal-Matematika.

Miguela Xuereb

Il-ħtieġa għal edukazzjoni dwar il-munita ewro

Skont Jesmond Gatt, Chief Officer għall-Banking Operations fil-Bank Ċentrali ta’ Malta, dan il-proġett tħejja fid-dawl tal-irwol importanti tal-flus kontanti fis-soċjetà.

Barra minn hekk, issemmiet l-importanza li l-ġenerazzjoni żagħżugħa tifhem il-karatteristiċi tas-sigurtà ddisinjati bir-reqqa fuq dawn il-muniti.

Ma tonqosx ukoll l-importanza li l-istudenti jifhmu l-proċeduri kumplessi fil-Bank sabiex jagħmel dawn il-muniti disponibbli għal kulħadd b’mod effiċjenti u inklussiv.

Jekk tneħħi l-Maltin, hemm 73 nazzjonalità differenti li bħalissa jattendu klassijiet tal-Year 7 u Year 8 fl-iskejjel tal-Istat. 59 minnhom ġejjin minn barra ż-żona tal-ewro.

Fid-dawl ta’ dan, intqal li “ilu jinħass il-bżonn ta’ għodda edukattiva li tgħin lill-istudenti żgħar jiffamiljarizzaw mal-ewro – kemm meta jimmaniġġjaw il-flus fil-bwiet tagħhom, u anke meta jaraw lill-adulti jużaw l-ewro.”

L-ewro mhix biss il-munita ta’ Malta, iżda wkoll dik ta’ 18-pajjiż ieħor li huma membri tal-Unjoni Ewropea.