Filmat: X’jagħmlu l-infermiera li jiġu f’kuntatt ma’ pazjenti bil-coronavirus?

Meta l-infermiera jiġu esposti għal pazjenti li jkollhom il-coronavirus, jagħmlu dan b’ilbies li jintrema u jkollhom jinħaslu immedjatament malli jneħħuħ.

Dan qalu l-President tal-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel Paul Pace f’kumment ma’ Newsbook.com.mt dalgħodu. Pace sostna li jrid iserraħ moħħ in-nies li ġew esposti għal pazjenti bil-coronavirus. “Mhux talli mhux se jmorru d-dar b’dan l-ilbies, iżda jkunu lebsin ilbies li jintrema u wara li tinżaw trid tinħasel, anke jekk ikun waqt ħin tax-xogħol,” qal Pace.

Hu kompla billi sostna li 70% tal-infermiera huma nisa, u ħafna minnhom għandhom il-familji tagħhom. Qal li huma mħassbin ukoll dwar is-sitwazzjoni.

L-MUMN titlob għal coveralls għall-infermiera

Minkejja dan, jidher li l-ilbies li qed jingħataw l-infermiera f’każi ta’ mard infettiv bħal dak tal-coronavirus mhux biżejjed. L-MUMN qed titlob sabiex l-infermiera jingħataw coveralls li jgħattu kull-parti tal-ġisem biex bl-ebda mod ma jkun hemm kuntatt mad-droplets ta’ pazjenti morda bil-coronavirus.

Qal li l-Gvern mhux talli mhux qed jissuplixxi dan l-ilbies lill-infermiera iżda lanqas ma sar taħriġ fuqhom. Pace sostna li l-Gvern qed jimxi mar-rekwiżiti bażiċi tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), xi ħaġa li l-infermiera mhux sodisfatti biha. Sostna li l-unika tliet dipartimenti li huma attrezzati huma d-Dipartiment tal-Emerġenza, l-ITU u l-IDU fejn hemm il-pressjoni. Qal li f’każ li jkun hawn xi pandemija, fejn ikun hemm bżonn użu ta’ sptarijiet oħrajn, dawn m’għandhomx l-apparat kollu li hemm bżonn.

Mistoqsi dwar x’inhuma eżatt dawn il-coveralls, Pace spjega li peress li l-virus huwa wieħed respiratorju, il-mikrobu jkun fl-arja. Qal li b’hekk l-infermiera jkollhom bżonn protezzjoni kompluta. Qal li l-gowns li qed jingħataw l-infermiera m’humiex hekk u jħallu partijiet minn wiċċhom esposti għall-mikrobi li jkun hemm fl-arja. Qal li b’hekk il-ġisem xorta waħda jista’ jiġi f’kuntatt mal-virus.

Filmat: Miguela Xuereb