X’jagħmel bil-kabinett Robert Abela?

Read in English.

Id-Deputat Robert Abela sostna li ma jaħsibx li hemm bżonn reshuffle fil-kabinett, tal-inqas mhux għalissa. Hu kien qed jiġi intervistat LIVE minn Fr Joe Borg fuq Newsbook.com.mt. Abela qed jikkontesta l-irwol ta’ Mexxej tal-Partit Laburista wara li Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed jirreżenja f’Jannar.

Abela spjega li l-akbar bżonn bħalissa huwa li timtela l-kariga ta’ Ministru għat-Turiżmu b’mod immedjat. Dan wara li l-Ministru Konrad Mizzi rreżenja minn din il-kariga. Intant sostna li ma jemminx li hemm bżonn bidliet li huma radikali. Qal li l-kabinett, fil-maġġorparti tas-sitwazzjonijiet ħadem sew u hemm bosta persuni li kienu eċċezzjonali, fosthom semma lill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.

Hu sostna li l-pjan tiegħu żgur mhux li jbiddel, ineħħi jew iċaqlaq Ministri li huma eċċezzjonali fil-qasam inkarigat lilhom. Minkejja dan qal li hemm bżonn ukoll uċuh ġodda, u rrefera għall-backbenchers li rrimarka huma persuni b’saħħithom.

Minkejja li sostna li ma jarax li hemm bżonn reshuffle immedjat, qal li mhux qed jeskludi li dan iseħħ. Kompla jgħid li hu jrid l-istabbilità, u din ma tiġix minn ħafna tibdiliet f’daqqa, imma minn tibdiliet fi żmienhom u f’waqthom.

“Ma naħsibx li Mizzi għandu jkollu kariga ministerjali”

Fl-intervista, Abela sostna li f’dan il-kabinett, ma jaħsibx li Konrad Mizzi għandu jkollu kariga ministerjali. Irrimarka li Mizzi qatt ma kien implikat bl-ebda mod fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Spjega li minkejja dak li ħareġ dwaru qabel l-2017, l-argument ta’ Mizzi kien li l-pubbliku għażel li jagħtih il-fiduċja tiegħu xorta waħda fl-2017.

Abela tenna li hu jemmen li f’dan il-mument Mizzi ma għandux jingħata kariga fil-kabinett, għal din il-leġiżlatura. Qal li jekk imbagħad fl-elezzjoni li jmiss jiddeċiedi li jikkontesta u jerġa’ jiġi elett, mela allura hemm inkunu qed inħarsu lejn kuntest differenti.

“Il-pajjiż bħalissa għandu bżonn avukat li jmexxih”

Intant, Abela sostna li f’dan il-mument, il-pajjiż għandu bżonn avukat li jkun qed imexxih u li jista’ jagħti l-esperjenza tiegħu fil-kunċetti li qed iqajmu d-diskussjonijiet fil-pajjiż. Filwaqt li rrimarka li mhux qed jiddubita l-ħiliet ta’ Chris Fearne, li qed jikkontesta għall-istess kariga ta’ mexxej, jemmen li f’dan il-mument partikolari l-pajjiż għandu bżonn lil xi ħadd bħalu.