Filmat: Xi ngħidu għal min jiġi jfittixna imma wara ma nsibuhx?

Il-Passat Mhux Garanzija tal-Futur – Charlene Mercieca Magro

Ħsieb u silta żgħira mill-kanzunetta finalista IL-PASSAT MHUX GARANZIJA TAL-FUTUR – Charlene Mercieca Magro (Rita Pace Singer and Songwriter)

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Tuesday, August 18, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju qed inwasslu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: Il-Passat Mhux Garanzija tal-Futur

Kantanta: Charlene Mercieca Magro

Kliem u mużika: Rita Pace

Drajna nisimgħu riklami ta’ investimenti fejn dejjem tingħad l-istess frażi: Il-passat mhux garanzija tal-futur. Toqgħod taħseb ftit, mhux fil-banek u l-investimenti biss. Kemm-il darba ninvestu fi ħbieb, maħbubin jew nies li jwegħduna affarijiet iżda wara nispiċċaw iddiżappuntati? Anki t-tfal trabbihom u jiltaqgħu ma’ kumpanija li tirvina t-trobbija li tkun tajthom int. U xi ngħidu għal min jiġi jfittixna imma wara ma nsibuhx? L-unika soluzzjoni biex ma tinqabadx f’din in-nassa hi li ma tagħmel lil ħadd b’alla tiegħek għax ħafna nies li nkunu qed nafdaw ifittxu biss l-interessi tagħhom u dak is-suq imexxi kollox.

Charlene Mercieca Magro. Ritratt: Jsoeph Agius Attard

Charlene twieldet fit-3 ta’ Ottubru 1984 u tgħix Raħal Ġdid. Din se tkun it-tieni esperjenza tagħha f’L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija. Fl-2018 Charlene kkompetiet bil-kanzunetta Nistenniek fuq kliem u mużika ta’ Corazon Mizzi.

F’dawn l-aħħar snin ħadet sehem f’diversi festivals barra minn Malta fosthom fl-Evrofest Festival fil-Maċedonja fl-2017 fejn rebħet il-Grand Prix – l-aktar premju prestiġjuż tal-festival. Fl-istess sena hija wkoll ħadet sehem fil-kunċert Strummin’ fis-Sala Sir Temi Żammit fl-Universitá ta’ Malta bil-kanzunetta Luce ta’ Elisa.

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex l-organizzaturi jimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.