Filmat: Xi jġiegħel lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona jitbissem?

Ix-xogħol pastorali u l-kuntatt dirett man-nies huma evidentament parti importanti mill-ħidma tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona. Dan ħareġ waqt li kien qed jiġi intervistat minn Newsbook.com.mt fl-okkażjoni tal-50 sena minn meta ġie ordnat saċerdot.

Mons. Cremona sostna li l-aktar żmien li kien kuntent kien meta kien jirnexxielu jġib il-kuntentizza qalb in-nies, huma min huma. Waqt li kien qed jaċċetta l-missjoni tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta, sostna li maż-żmien irrealizza kemm din kienet se tieħdu ‘l bogħod mill-ħidma pastorali li tant kien iħobb. Madanakollu qal li meta ħa l-kariga tiegħu ipprova jfiehem lilu nnifsu li ma setgħax jirranġa dak kollu li kien hemm ħażin fid-dinja, iżda seta’ jiddedika l-enerġija tiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi.

“Tajt lili nniffsi b’mod sħiħ”

Mons. Cremona sostna li wiegħda tiegħu lill-poplu kien li jagħti lilu nniffsu b’mod sħiħ sabiex iservi. L-akbar konsolazzjoni għalih kienet li ħass li dejjem għamel dak kollu li seta’ biex jitrażmetti l-imħabba ta’ Alla.

L-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona se jiċċelebra Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr lil Alla f’għeluq il-50 sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu. Fi stqarrija l-Arċidjoċesi ta’ Malta spjegat li din se ssir nhar il-Ħadd 24 ta’ Marzu 2019, fil-5.30pm, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Aqra: 50 sena mill-ordinazzjoni tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona

“L-Arċisqof Cremona xempju tal-ħajja saċerdotali” – L-Isqof t’Għawdex

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech feraħ lill-Mons. Cremona u sostna li “kien u għadu xempju ta’ ħajja saċerdotali eżemplari li ssaħħaħ” lis-saċerdoti, tqanqal fiduċja fil-lajċi. Fi stqarrija reġa’ tenna li l-Knisja f’għawdex hiaj grata lejn ix-xogħol ta’ Mons. Cremona u mhux se tinsa’ l-ġenerożità li qasam magħha.