Filmat: X’għandha f’moħħha Comodini Cachia għall-pajjiż u għall-PN?

Therese Comodini Cachia intervistata minn Newsbook

Read in English.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt Therese Comodini Cachia, l-MP tal-PN li trid tilħaq Kap tal-partit qalet li l-elettorat irid jibda jara li l-PN huwa favur il-verità, il-ġustizzja, u l-ekwità. Qalet li dawn il-valuri mhumiex biss valuri filosofiċi imma li jsarrfu f’benefiċċji tanġibbli li jassiguraw li kulħadd jieħu dak li huwa entitolat għalih.

Hawn taħt tista’ taqra siltiet mit-tweġibiet ta’ Comodini Cachia – l-intervista sħiħa tista’ taraha mill-filmat.

Inti veru tajt ċans lil Adrian Delia?

Comodini Cachia spjegat li wieħed ma jistax jibni l-pedament ta’ partit bil-prinċipju: Ifred u rrenja. Qalet li Delia hekk għamel. Tgħid li Delia ma ngħatax il-pariri t-tajbin u li mhux hi jew l-MPs l-oħra li kkundannaw lil Adrian Delia imma li hija l-istrateġija diviżiva tiegħu li qalulu jimplimenta li kkundannatu.

“Qatt ma tajt tikketta lil Delia. Qatt ma għidt li huwa korrott. Dejjem għidt il-verità lil Delia.”

Comodini Cachia spjegat li wieħed ma jistax jibni l-pedament ta’ partit bil-prinċipju: Ifred u rrenja. Qalet li Delia hekk għamel. Tgħid li Delia ma ngħatax il-pariri t-tajbin u li mhux hi jew l-MPs l-oħra li kkundannaw lil Adrian Delia imma li hija l-istrateġija diviżiva tiegħu li qalulu jimplimenta li kkundannatu.

Comodini Cachia spjegat li wara l-iżviluppi politiċi tal-PN f’dawn l-aħħar jiem, ħafna Nazzjonalisti jħossu li l-paġna l-ġdida mhix qed tinkiteb fl-aħjar interess tal-partit u li għal darba oħra esprimew tama f’dak li ħasbu li ntilef.

Mistoqsija minn Sylvana Debono jekk għadx hemm tama għall-PN biex il-partit jiġi jidher bħala alternattiva għall-gvern għall-elezzjoni li jmiss, Comodini Cachia tgħid b’mod kunfident li iva. Tkompli tispjega li Delia ngħata ċans imexxi mill-Grupp Parlamentari u mill-Kumitat tal-Eżekuttiv. Tgħid li l-partit għal darb’oħra jrid jikseb il-fiduċja tal-poplu, jiġġenera l-entużjażmu fin-nies li l-PN tassew jista’ jmexxi lil Malta. Żiedet tgħid li jekk il-PN ma jirnexxilux jagħmel dan, allura l-partit ifalli.

“Il-PN qatt ma kien f’din is-sitwazzjoni. Qed nipprova niggwida l-partit fid-direzzjoni t-tajba”

Persuna tajba li taspira li tmexxi trid tkun kapaċi tirrikonoxxi t-tajjeb f’ħaddieħor. Tista’ ssemmi għall-inqas tliet affarijiet pożittivi li Adrian Delia għamel bħala Kap tal-PN?

Fit-tweġiba tagħha, Therese Comodini Cachia rrikonoxxiet li Delia daħal fil-politika biex imexxi l-PN b’intenzjonijiet tajbin.

“Emmint li Adrian Delia daħal għaliha bl-intezjonijiet tajbin kollha meta qal li ried jibni PN b’saħħtu.”

Aspett ieħor li semmiet kienet id-determinazzjoni tiegħu fil-ġlieda kontra l-allegat korruzzjoni fil-ftehim tal-Vitals u li ammirat id-deċiżjoni tiegħu li jikkonsulta mal-Grupp Parlamentari tal-PN dwar jekk għandux jippubblika r-rapport tal-Egrant jew le. Therese Comodini Cachia qalet li Delia għamel l-għażla t-tajba meta ppubblika r-rapport għall-iskrutinju pubbliku.

Il-PN u l-pajjiż lesti għal kap ta’ partit femminili?

Therese Comodini Cachia qalet li għandha fiduċja f’Malta u fil-PN imma li ma setgħetx twieġeb domanda bħal din u li kienet se tħalliha f’idejn l-elettorat.

Irreferiet għan-numru ta’ nies li huma eletti fil-Parlament Malti u dak Ewropew.

“Għandi tifla ta’ 13-il sena u dejjem ngħidilha li, iva, hija mara li bħal kull raġel ieħor meta tidenfitika l-abbilitajiet u l-limitazzjonijiet tagħha imbagħad tkun sabet iċ-ċavetta għas-suċċess,” qalet il-MP. Spjegat li l-limitazzjonijiet li wieħed għandi jirrikonoxxi mhumiex dawk imposti mis-soċjetà.

Ħafna jikkritikawk u jgħidu li inti elitista, indeċiża dwar is-siġġu tiegħek fil-Parlament Malti u talli għandek raġel li jivvota Labour. Dawn m’humiex ostakli li trid tegħleb bħala kap potenzjali?

Comodini Cachia temmen li dawn m’humiex ostakli. Bħala MEP kienet tmur Brussell kull nhar ta’ Tnejn u lura kull nhar ta’ Ħamis u li dan kien possibbli biss peress li kellha sistema ta’ appoġġ kontinwa mill-familja tagħha, liema appoġġ se jkompli jkollha.

Qalet li kkunsultat mat-tifla tagħha qabel ma ddeċidiet li taċċetta n-nomina bħala Kap tal-Oppożizzjoni mid-19-il MP.

Comodini Cachia tgħid li bħal ħafna koppji kellhom żminijiet ta’ sfida. Affaċċjaw proċess ta’ separazzjoni u li issa ilhom separati għal aktar minn sena.

“Nemmen li l-vot huwa xi ħaġa personali li wieħed għandu jiddeċiedi dwaru. Jekk trid tkun taf kif jivvota, staqsi lilu.”

Dwar il-kritika li hija elitista, Comodini Cachia tgħid li meta wieħed jagħti tikketta lin-nies li huma elitist jew le, dan ikun ta’ diżrispett lejn il-kultura Maltija speċjalment meta l-PN għandu bżonn l-appoġġ u jkollu bżonn jakkwista l-fiduċja ta’ kull individwu.

Dwar l-abort, Therese Comodini Cachia qalet li hija kontra l-abort fuq livell personali u fuq livell politiku.

X’valuri tħaddan?

Il-MP qalet li bħala mexxej wieħed irid jipprovi gwida, direzzjoni politika bbażata fuq prinċipji u valuri. Saħqet li l-valuri tal-verità, ġustizzja, u ekwità huma l-elementi bażiċi ta’ pediment sod.

“Il-verità mhux biss lill-membri tal-PN imma lil kulħadd u li twassal għall-ġustizzja u fl-aħħar nett l-ekwità.”

Comodini Cachia qalet li gvern irid jagħti l-opportunitajiet it-tajbin biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd u li d-drittijiet ta’ kulħadd għandhom ikunu garantiti imma mhux askapitu ta’ ħaddieħor.

“Is-sitwazzjoni kurrenti fil-PN bħalissa hija l-ewwel prijorità. Hija kriżi li qed jaffaċċja l-PN imma anke kriżi fuq livell nazzjonali.”

Comodini Cachia temmet l-intervista mal-Editor-in-Chief ta’ Newsbook Sylvana Debono billi enfasizzat li l-pajjiż ma jistax ikollu oppożizzjoni dgħajfa. Spjegat li kull meta taffaċċja sfidi jew kriżi tgħarbel fost l-għażliet kollha possibli biex issolvi l-kwistjoni u li dan huwa dak li għamlet b’rabta mas-sitwazzjoni tal-PN. Saħqet li l-għan aħħari tagħha huwa li tibni Oppożizzjoni b’saħħitha li wieħed ikun jista’ jafda.