Filmat: X’għandek tagħmel qabel ma jiġu l-community carers għandek?

Read in English.

Huwa importanti li wieħed jipprepara l-affarijiet qabel ma jiġu l-community carers għand id-dar ta’ dak li jkun, skont il-Professur Charmaine Gauci.

Community carer li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li dawn jiġru minn dar għall-oħra. Qalet li ma kinitx taf x’għandhom jużaw bħala ilbies protettiv peress li jiġu f’kuntatt ma’ ħafna nies differenti. Newsbook staqsa lis-Supretedent għas-Saħħa Pubblika l-Prof. Charmaine Gauci dwar dan.

Il-Prof. Gauci spjegat li community carers huma persuni li jmorru fid-djar fil-komunità u jagħtu mediċini bħall-insulina lill-pazjenti. Qalet li tkellmu mal-entitajiet responsabbli minn dawn il-carers għax huwa importanti li jibqgħu f’saħħithom. Spjegat li jekk xi carer ikollu xi sintomi, dawn ma jibqgħux imorru għand id-djar tan-nies.

Il-Prof. Gauci qalet li kemm jista’ jkun il-kuntatt bejn il-carers u l-pazjenti fid-djar għandu jkun minimu. Appellat lil dawk li jużaw is-servizzi tal-community carers biex jipprepraw l-affarijiet li se jiġu bżonn qabel ma jaslu l-carers. Dan biex ikun hemm inqas ħin ta’ kuntatt bejn il-carer u l-pazjent. Dan ifisser inqas riskju li wieħed ikun espost għall-coronavirus.

Newsbook.com.mt staqsa wkoll lill-Prof. Gauci jekk l-awtoritajiet jafux għalfejn hemm nies li xorta qed imorru x-xogħol minkejja li jkollhom xi sintomi. Madanakollu din il-mistoqsija ma ġietx imwieġba.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn