Filmat: X’ġara mit-tarbija ta’ Francesca u Totò?

Id-domanda fuq fomm dawk kollha li qed isegwu s-sensiela F’Ġieħ L-Imħabba hija x’ġara minn Francesca, Antonino u t-tarbija tagħhom hekk kif għaddew tletin sena.

L-aħħar xena li rajna lil Francesca kienet meta kienet se twelled u ħassha ħażin u ntilfet minn sensiha wara li wissiet lil żewġha biex ma jafdax lil ħuħ Giuseppe għax saret taf li kien hu li qatel lil Gaetano u lil Karmelina.

Il-mistoqsijia ta’ ħafna hija dwar jekk Francesca (Evelyn Saliba La Rosa) u Totò (Mark Mifsud) kellhomx tifel jew tifla.

Oħrajn qed jippruvaw jaqtgħu min mill-karattri preżenti huwa fil-fatt il-wild ta’ din il-koppja.

Riotratt: Ivan Borg

Hemm ukoll min qed jispekola li t-tarbija ma’ għexitx, iżda l-awturi Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa tkellmu ma’ newsbook.com.mt u assigurawna li l-wild ta’ Francesca u Totò qiedgha tidher illum bhala karattru.

Hekk fuq naħa hemm il-familja ta’ Giuseppe Cuppola ħu Antonino, u miegħu qed naraw lit-tfal tiegħu Salvatore, Elena u Sergio (li Giuseppe addotta), li llum ilkoll kibru u magħhom ovvjament kibru l-problemi.

Waqt li qed naraw lill-familja ta’ Giuseppe miexja ‘l quddiem, wieħed jifhem li l-familja Garsena (Emilio u Laura) hija b’xi  mod dixxendenti tal-familja ta’ Antonino u Francesca.

Il-qofol tal-istorja kollha huwa, x’ġara eżatt bejn Giuseppe u Antonino Cuppola?  Dawn kienu żewġ aħwa nseperabbli. Iżda wara dak li żvelat Francesca lil żewġha Antonino waqt li kienet qed twelled, baqgħu hekk jew le? 

X’ġara u x’ma ġarax? Kif u għaliex għad irridu niskopruh.

Mark Mifsud (Totò) ma’ Evelyn Saliba La Rosa (Francesca). Ritratt: Ivan Borg

Għal dawn il-ħafna mistoqsijiet, l-awturi tas-sensiela Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa wieġbu li f’qasir żmien it-telespettaturi se jkunu qed jgħaqdu aktar l-istorja u jifhmu li l-qabża fis-snin kienet waħda neċessarja u relevanti għall-istorja.

“F’Ġieħ L-Imħabba hekk kien pjanat sa mill-bidunett u l-ewwel puntati kienu mportanti biex it-telespettaturi jifhmu l-għeruq tal-familja Cuppola. Però ibqgħu ċerti li l-imgħoddi tal-familja mhux se jintnesa u fil-puntati li jmiss wieħed se jara kemm huwa relavanti l-bidu tal-istorja għall-mod kif qed tiżvolġi bħalissa,” weġbuna huma.

Il-kittieba qalu li hemm ħafna telespettaturi bla sabar u jridu r-risposti issa… imma qalulna li t-telespettatur għalissa jrid iħaddem moħħu biex jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.

Li hu żgur hu li dak li Francesca qalet lil Antonino dakinhar ħalla riperkussjonijiet kbar u fit-tul, bħal ma dejjem jiġri bejn aħwa li jkunu ħaġa waħda hekk kif wieħed jinduna li ma jistax jafda lill-ieħor.

F’Ġieħ L-Imħabba jkompli fuq TVM kull nhar ta’ Tnejn fid-8.50pm.