Filmat: X’ġara dakinhar li miet iż-żagħżugħ taħt il-pont ta’ Bieb il-Bombi?

Dakinhar li ż-żagħżugħ ta’ 26 sena instab mejjet taħt il-pont ħdejn Bieb il-Bombi, ma felaħx aktar, għax għaddew għaxar snin minn mindu wasal Malta u kien għadu bla dokumenti uffiċjali biex jgħix fil-pajjiż. 
Ma’ Newsbook.com.mt, ħabib ta’ Atalekebet, Endale Kifle, spjega li bħal persuni oħra li ħarbu minn pajjiżhom biex isibu kenn xi mkien ieħor, Atalekebet beda jbati minn dipressjoni wara li spiċċa bla xogħol għal żmien twil, u mingħajr flus ma setax jgħin lill-familja tiegħu fl-Etjopja.
Endale jgħid li kulma xtaq Atalekebet kien ir-rispett u l-opportunità li jgħix maħbub min-nies ta’ madwaru. 
Qabel l-intervista, Endale u ħbieb oħra akkumpanjaw it-tebut ta’ Atalekebet biex jittieħed lura għand il-familja tiegħu. L-ispiża ta’ €4,900 tħallset minn donazzjonijiet li qed jinġabru mill-membri tal-komunità Etjopjana u Eritreana f’Malta.
Filwaqt li faħħar lil ħafna Maltin li ma jiddiskriminawx kontra persuni b’ġilda skura, Endale jappella fost l-oħrajn biex l-uffiċjali pubbliċi juru rispett u professjonalità f’xogħolhom.
Jesprimi wkoll il-karba tiegħu biex it-tfal jiġu rispettati u ma jiġux mgħajra b’diskors dispreġġattiv bħal “inti ġejt bid-dgħajsa?”
Jekk int jew xi ħadd li taf għandu bżonn l-għajnuna minħabba d-dipressjoni, tista' ċċempel lil Caritas fuq 2590 6600. 
Filmat: Reel8 Productions