Filmat: Xewkija Tigers ċampjins fil-futbol Għawdxi

Quddiem folla kbira u sabiħa ta’ partitarji fil-Gozo Stadium, Xewkija Tigers rebħu l-kampjonat tal-ewwel diviżjoni Għawdxi meta għelbu lil Nadur Youngsters bl-iskor ta’ 5-2.
B’din ir-rebħa it-tim imexxi mill-kowċ Raymond Vella spiċċaw tmien punti fuq SK Victoria Wanderers u ħdax-il punt fuq l-istess Nadur Youngsters.
Wara 32 minuta logħob, kienu Nadur li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Brandon Said.
Ħames minuti biss wara Ferdinando Apap ġab id-dro.
Wara biss minuta mill-bidu tat-tieni taqsima kien Chris Camilleri li poġġa lil Xewkija fil-vantaġġ.
Immedjatament wara biss seba’ minuti Elton Alexandre da Silva reġa’ ġab id-dro bejn iż-żewġ timijiet.
Minn hawn it-Tigri Xewkin qamu għall-okkażjoni u Dene Shields skurja żewġ gowls fil-71 u fid-79 minuta.
Aktar tard tkeċċa Frankie Camilleri għal Nadur Youngsters.
Meta kien fadal sitt minuti minn tmiem il-partita, il-plejer veteran Gilbert Agius għalaq il-logħba bil-ħames gowl għal Xewkija Tigers.
Wara tmiem il-partita, il-plejers u l-partitarji ta’ Xewkija Tigers ingħaqdu flimkien biċ-ċelebrazzjonijiet li bdew mill-grawnd u raw il-qofol tagħhom quddiem il-każin fil-pjazza tax-Xewkija.
Dan huwa s-sitt kampjonat mirbuħ mix-Xewkija Tigers.

Filmat: Carmel Saliba