Filmat: Xbieki tas-sajd jittellgħu minn qiegħ il-baħar

Il-Ħadd waranofsinhar, għadd ta' voluntiera tal-ERRC flimkien ma' bugħaddasa tellgħu xbieki tas-sajd minn qiegħ il-baħar fid-Dwejra f'Għawdex.
Din il-ħidma kienet parti minn proġett li l-għaqda non-governattiva ħadet fondi għalih mill-Fond għall-Iżvilupp Sostenibbli.
F'kummenti ma' Newsbook.com.mt, is-Segretarju Ġenerali tal-ERRC Etienne Micallef spjega li l-proġett beda ġimgħa ilu u se jkun qed jaħdem biex iqajjem kuxjenza dwar il-ghost fishing.
Spjega li l-ghost fishing hija teknika tas-sajd li mhix sostenibbli għall-ambjent minħabba li s-sajjied ikun tefa' x-xbieki u n-nases f'qiegħ il-baħar biex jinqabdu l-ħut u jitħallew hemm għal tul ta' żmien.
Il-ħidma ta' dan il-proġett se tiffoka wkoll fuq l-edukazzjoni, b'Micallef jispjega li parti oħra tal-proġett se tinkludi kampanja edukattiva fost it-tfal u l-adulti.
Micellef qal li s-sajjieda jistgħu jitolbu għall-għajnuna tal-ERRC minħabba x-xbieki u n-nases f'qiegħ il-baħar permezz tal-portal www.ghostfishingmalta.com.
Il-proġett huwa mifrux fuq disa' xhur u mistenni jispiċċa fi Frar tas-sena d-dieħla.