Filmat: X’azzjoni ħadt? “Jien ma ninvestigax” – Owen Bonnici

Il-Ministru Owen Bonnici qal li huwa bħala Ministru għall-Ġustizzja ma jinvestigax pero huwa kkonferma mal-Avukat Ġwenerali li r-rapport għadda għand il-Kummissarju tal-Pulizija.

F’kummenti lill-ġurnalisti wara żjara fil-Forti Rikażoli, il-Ministru Bonnici stqarr li bl-istqarrija tal-Pulizija tal-bieraħ sar magħruf li l-Pulizija qed tinvestiga.

Spjega wkoll kif il-Qorti fir-rapport ta’ Inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja ordnat li Maria Efimova titressaq il-Qorti akkużata b’kalunja. Il-Ministru Bonnici stqarr li dan huwa reat gravi.

Dwar il-persuni l-oħra fosthom Jonathan Ferris, Karl Cini u Brian Tonna, il-Ministru Bonnici qal li r-rapport jgħid li għandha ssir investigazzjoni dwarhom.

Meta mistoqsi jekk huwa għaddiex kopja tar-rapport Egrant lil xi ħaddieħor, il-Ministru Bonnici ma weġibx u minflok irrefera għax-xhieda tiegħu fil-Qorti dwar l-Inkjest Egrant.