Filmat: X’alternattiva hemm f’każ li ma jsirux l-eżamijiet?

Read in English.

Il-Kunsill Studenti Universitarji qed jappella lill-Gvern biex iżomm komunikazzjoni sħiħa mal-istudenti minħabba l-eżamijiet li huma ppjanati li jsiru f’Settembru li ġej.

Kważi ħmistax oħra huma ppjanati li jibdew isiru l-eżamijiet tal-O u l-A Levels u għaldaqstant, il-KSU tinsab imħassba bil-fatt li huma qalu li m’hemm l-ebda alternattiva f’każ li l-eżamijiet ma jkunux jistgħu jsiru b’mod tradizzjonali fil-klassijiet tal-iskejjel.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, il-President tal-KSU Matthew Xuereb appella biex il-Gvern jippubblika l-informazzjoni sħiħa u dettaljata dwar il-protokolli għal waqt l-eżamijiet b’waħda mill-mistoqsija tkun x’jiġri jekk studenti jirriżulta pożittiv wara li jkun mar għall-eżami.

Il-KSU fi stqarrija ppubblika sensiela ta’ mistoqsijiet li ntbagħtu lis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci. Fost dawn il-mistoqsijiet, l-istudenti qed jistaqsu jekk il-linji gwida li ġew ippubblikati fil-bidu tas-sajf hux se jibqfgħu japplikaw f’Settembru meta huma skedati l-eżamijiet tal-O u l-A Levels.

Fl-istess stqarrija huma jinnutaw li waqt laqgħa mal-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici, huma ma rċivewx risposta meta staqsew lill-Ministru jindikalhom kemm irid ikun hemm massimu ta’ każijiet biex l-eżamijiet ikunu jistgħu jsiru jew kemm trid tkun ir-rata ta’ trasmissjoni (R-Factor) biex l-eżamijiet jitħallew isiru. L-istess mistoqsija ġiet indirizzata wkoll lill-Professur Gauci.

Dawn il-mistoqsijiet ġew ifformulati mir-rappreżentanti tal-istudenti li jiffurmaw parti mill-Kummissjoni Politika Soċjali u mill-Kummissjoni Edukazzjoni tal-KSU.

Mistoqsi jgħid x’informazzjoni qed taslilhom mingħand l-istudenti, Xuereb qal li għadd ta’ studenti qed jesperjenzaw anzjetà minħabba din l-inċertezza li teżisti mill-awtoritajiet. Huwa appella lill-istudenti biex jibqgħu jistudjaw għall-eżamijiet f’Settembru.

Il-UPE tgħid li l-ftuħ tal-iskejjel f’Settembru mhix realistika

Intant fi stqarrija, l-unjin tal-edukaturi professjonali, UPE qalet li hija kontra li jerġgħu jinfetħu l-iskejjel f’Settembru. Fl-istqarrija hija kkonkludiet li l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel f’Settembru mhix realistika u għandha terġa’ tiġi kkunsidrata.