Filmat: “X’aktarx għandna ġimagħtejn b’200 każ kuljum” – Dr Melillo

Dr Tanya Melillo

Read in English.

Dr Tanya Melillo, esperta tas-saħħa pubblika, qalet li fil-ġimagħtejn li ġejjin, x’aktarx jibqgħu jinstabu mal-200 każ kuljum.

Intervistata minn Fr Joe Borg fuq Newsbook Q&A, Dr Melillo qalet li saret taf f’nofsillejl li llum instabu 224 każ mit-3,365 swab test li saru, u ammettiet li ma setgħetx tagħlaq għajn m’għajn. Dan in-numru ta’ każijiet huwa l-ogħla li qatt instab f’24 siegħa kemm ilha li bdiet il-pandemija.

Hija spjegat li mill-kalkoli li għamlu, basru li se jkun hawn żieda fil-każijiet f’Jannar, madankollu ma ħasbitx li se jitfaċċaw daqstant każijiet hekk malajr, ħasbet li jibdew madwar ġimagħtejn oħra. Ammettiet li meta bdew jaraw li diversi nies qed jibbukkjaw il-farmhouses f’Għawdex għall-festi tal-Milied, “għidna ġejja tagħna, u ġiet.”

Illum fil-konferenza tal-aħbarijiet li għamel fuq il-vaċċin tal-kumpanija Moderna, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne elenka tliet raġunijiet ewlenin għall-qabża fil-każijiet: it-taħlit tan-nies fi żmien il-festi, il-kesħa u l-varjant.

Fr Joe staqsa lil Dr Melillo fuq it-tnejn tal-aħħar. Hija spjegat li l-kesħa tgħin lill-viruses, b’mod ġenerali, biex jimmultiplikaw. Bħalissa l-virus tal-influwenza qiegħed baxx għax il-Covid-19 qed jiċċirkola aktar u hu iżjed dominanti f’Malta u fl-Ewropa, imma aktar kemm jiltaqgħu n-nies, aktar jinfirex.

Fuq il-varjant qalet li ċerta li se jinstabu aktar mit-tliet każijiet li hawn bħalissa, għax dawn it-testijiet idumu. Issoktat tgħid li sirna nafu b’dan il-varjant f’nofs Diċembru, mentri niżlu ħafna nies mill-Ingilterra qabel il-Milied, jiġifieri x’aktarx kien hawn nies li kellhom u ma konniex nafu.

Il-Ministru Fearne llum qal li jekk l-awtoritajiet jiddeterminaw li din il-qabża fil-każijiet ġejja mill-kesħa u l-varjant, iż-żewġ fatturi li se jibqgħu magħna, jittieħdu aktar miżuri restrittivi.

Dr Melillo wissiet li sakemm titlaqqam kontra l-Covid-19 75% tal-popolazzjoni, ma nkunux siguri. Hija xejnet dak li qalu wħud, li issa siguri għax hawn il-vaċċin, u insistiet li kulħadd għadu espost għall-virus. Qalet ukoll li meta wieħed jieħu l-ewwel doża, xorta waħda ma jkollux immunità biżżejjed li tipproteġih mill-virus. “Jekk nieħu l-vaċċin illum, qabel ħames ġimgħat oħra xorta jista’ jaqbadni l-Covid.”

Il-konsulent spjegat ukoll id-differenza bejn il-vaċċin kontra l-influwenza u dak kontra l-Covid-19, billi qalet li ta’ kontra l-coronavirus jieħu ħafna aktar preparamenti u ħin, peress li jrid jinżamm f’temperatura baxxa, jinħażen, jittieħed fejn ikun se jingħata, u mbagħad jingħata ċans sabiex jinżel mill-friża, mentri fil-każ tal-vaċċin tal-influwenza, dan kemm tagħtih lill-persuna u daqshekk.

Hi fakkret lin-nies li s’issa għad ma kienx hemm kumplikazzjonijiet għal min għandu xi kundizzjoni u jrid jieħu l-vaċċin, imma dejjem hu aħjar li dak li jkun jitkellem mat-tabib tiegħu sabiex jagħtih parir hu.

It-tieni vaċċin approvat
Il-vaċċin tal-Moderna approvat fl-UE

L-intervista sħiħa