Filmat: X’il-qaddisin qed jagħmlu!

Wara s-suċċess tal-kunċert Kelma Kelma, Nota Nota s-sena li għaddiet, il-kelma u n-nota se jerġgħu jagħmluha u se jiżżewġu għat-tieni darba f'kunċert tal-qaddisin.
Ma' Newsbook.com.mt, Dr Michael Spagnol, l-amministratur tal-paġna Kelma Kelma fuq Facebook, li hu wkoll il-moħħ wara dan il-kunċert, qal li Kelma Kelma Nota Nota se jerġa' jkun nisġa interessanti bejn il-kliem u l-mużika.
Semma li se jkun hemm ħafna mumenti ta' kliem bħal poeżiji u logħob bil-kliem, u mużika b'arranġamenti ġodda tal-Big Band Brothers. 
Dr Spagnol semma l-makkjetti li fl-aħħar snin jidher li ntesew, u li se jerġgħu jiddaħħlu b'mod frisk mill-Big Band Brothers.
Min-naħa tiegħu, Daniel Cauchi mill-Big Band Brothers qal li f'dan il-kunċert se tipparteċipa l-band sħiħa bi 18-il strument, li flimkien se jlibbsu libsa ġdida lil mużika tradizzjonali. Għall-ewwel darba se jdoqqu wkoll xi kanzunetti oriġinali, li nkitbu apposta għal dan il-kunċert.
Newsbook.com.mt tkellem ukoll mal-attur ewlieni Ray Calleja, li ddeskriva l-Kunċert tal-Qaddisin bħala spettaklu eċċezzjonali li jispiċċa jbikkik bid-daħk.
Fl-aħħar tal-kunċert is-sena li għaddiet, Calleja semma kif għandna seba' noti differenti, u għal darb'oħra żewwiġhom mal-kliem:
"DOmna nippruvaw, REgħdna kull m'hawn, MIja mija ġew, FAqgħa sew, SOqfa m'hawn imkien, LArkitett mhux jien, SInjuri s-Sliem"
Il-kunċert se jsir fit-23, fl-24 u l-25 ta' Ġunju fi Pjazza Teatru Rjal fil-Belt Valletta. Il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-Embassy Complex jew inkella minn fuq is-sit www.ticketline.com.mt.
#KunĊertLiTattendi
Filmat: Reel8 Productions