Filmat: “Wieħed għandu dritt jieqaf iwieġeb il-mobile wara l-ħin tax-xogħol” – Agius Saliba

Wieħed għandu dritt jieqaf iwieġeb il-mobile wara l-ħin tax-xogħol. Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt l-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba waqt l-aħħar sessjoni plenarja fi Strasburgu.

Riċentament, Agius Saliba tkellem dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tibda tħares aktar lejn ir-right to disconnect. Jiġifieri li wieħed ikollu dritt ma jweġibx għall-e-mails, messaġġi u telefonati f’ħinijiet li mhux tax-xogħol. 

Spjega li llum qed ngħixu f’dinja b’ħajja diġitali, inkluż fil-post tax-xogħol. Sostna li minkejja li hemm bżonn li nippromwovu Unjoni Ewropea aktar diġitali u innovattiva, fl-istess ħin wieħed irid iżomm f’moħħu l-aspett u l-qasam soċjali taċ-ċittadini. Jiġifieri, il-kwalità tal-ħin li l-ħaddiema jitħallew iqattgħu mal-familji tagħhom mingħajr xkiel.

Agius Saliba qal li l-Unjoni Ewropea toffri pjattaforma tajba biex leġiżlazzjoni li tkun ħadmet tajjeb fi stati oħra tiġi implimentata madwar l-Istati Membri Ewropej kollha. Dan filwaqt li emfasizza l-importanza ta’ Unjoni Ewropea li tibqa’ kompetittiva. Spjega li r-right to disconnet ħareġ minn każ li tressaq quddiem it-tribunal tal-qasam tax-xogħol Franċiż. Il-każ wassal sabiex tinbidel parti mill-kostituzzjoni tal-pajjiż, kif ukoll il-liġi tax-xogħol.

Insista li hemm bżonn issir ħidma biex jekk persuna bilfors ikollha żżomm lilha nnifisha disponibbli wara l-ħin tax-xogħol, tingħata kumpens xieraq. Sostna li jekk persuna mhux qed tieħu kumpens, m’għandha qatt tiġi kkastigata minn min iħaddem jekk wara l-ħin tax-xogħol ma tirrispondix il-mobile. Qal li b’hekk tingħata kwalità ta’ ħajja aħjar lill-ħaddiema Ewropej.