Filmat: “Wasal iż-żmien li niġġieldu n-normi soċjali” – il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-ambizzjoni tal-Gvern hija ċara li jiġġieled in-normi soċjali li jgħinu biex tiżdied l-istigma u diskriminazzjoni.

Huwa qal dan waqt li indirizza lin-Nazzjonijiet Magħquda fir-74 sessjoni fi New York. Spjega li it-tibdil fil-liġijiet mhumiex biżżejjed u wasal iż-żmien li jinbidlu n-normi soċjali.

Il-Prim Ministru ffoka d-diskors tiegħu quddiem in-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-komunità LGBTIQ, d-drittijiet tan-nisa u tat-tfal.

Huwa qal li Malta għamlet passi ‘l quddiem fl-aħħar sitt snin hekk kif il-Gvern beda ġlieda ta’ konvinzjoni kontra l-emarġinazzjoni soċjali. Żied jgħid li Malta ħadmet biex tindirizza l-bżonnijiet ta’ dawk li għal għexieren ta’ snin kienu kkunsidrati bħala inferjuri.

Muscat saħaq li l-bidliet li jseħħu għandhom jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini u mhux biex joħolqu diviżjonijiet u għalhekk saħaq fuq l-importanza tad-diversità.

Semma kif Malta kienet katalista fil-bidliet għad-drittijiet soċjali. Ftaħar ukoll kif Malta tinsab fil-quċċata tal-lista ta’ pajjiżi Ewropej billi tipproteġi lil persuni LGBTIQ. Semma wkoll iż-żwieġ tal-istess sess u l-liġijiet dwar l-identità tal-ġeneru. Huwa kkwota lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem meta faħħar lil Malta bħala l-pajjiż li għandu “standard tad-deheb” f’dawn l-oqsma.

Tista’ taqra d-diskors sħiħ hawnhekk.