Filmat: “Waqajt f’dipressjoni; naprezza lil min ma qatax qalbu minni”

Mara li ġarrbet is-solitudni spjegat kif meta kawża ta’ sitwazzjoni inevitabbli spiċċat waqgħet f’dipressjoni, verament tgħallmet tapprezza lill-persuni li baqgħu ma qatgħux qalbhom minnha.

L-esperjenza ta’ Charmaine Attard hija parti mid-dokumentarju bl-isem “Il-Ġerħa tas-Solitudni – il-mixja lejn soluzzjoni” bi produzzjoni eżekuttiva tal- Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta u Caritas Malta. Dan huwa parti mill-proġett li jrid iqajjem kuxjenza dwar il-problema tas-solitudni fis-soċjetà.

Spjegat li hija xi ħaġa normali li meta għall-bidu li ma tkunx fi stat tajjeb, kulħadd jipprova jkun ta’ sapport iżda maż-żmien kull bniedem jgħejja. Għaldaqstant sostniet li kienu mumenti bħal dawn fejn apprezzat meta xi ħadd jibgħatilha messaġġ jgħid “ħsibt fik illum” jew “nispera li tinsab aħjar”.

Is-solitudni hija stat ta’ emozzjoni fejn ħadd ma jkun jista’ jifhem dak li tkun qed tħoss u dak li tkun qed tesperjenza. Anthony Gatt, id-Direttur tal-Caritas spjega li s-solitudni hija l-agħar tip ta’ kastig li wieħed jista’ jagħti lill-bniedem. Il-Professur Marilyn Clark mid-Dipartiment tal-Psikoloġija spjegat li l-bniedem iħossu fi stat ta’ solitudni meta jkun hemm diskrepanza bejn dak li qed jippretendi mis-soċjetà jew minn sitwazzjoni u dak li verament iseħħ.