Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li tilqa’ l-pass li ħadet Malta biex tikkonsulta mal-Kummissjoni Venezja dwar ir-riformi li qed tagħmel biex issaħħaħ ir-rispett lejn il-liġijiet u l-indipendenza tal-ġudikatura.
Dan qalitu f’ittra li bagħtet lill-PM Robert Abela. Abela ppubblika l-ittra.
Il-President tal-KE irringrazzjat lil Abela talli bagħtilha aġġornament dwar ir-riformi li qed jaħseb fihom il-Gvern Malti.
Fakkret li f’Mejju li għadda l-Kummissjoni rrakkomandat li Malta għandha tieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 u tlesti riformi dwar in-nuqqasijiet istituzzjonali u ta’ governanza li hemm.
F’filmat il-PM Robert Abela qal li Malta miexja ‘l quddiem f’diversi oqsma. Qal li huwa ta’ pjaċir għalih li von der Leyen qed tirrikonoxxi dak li qed tagħmel Malta.
Abela qal li l-Gvern tiegħu huwa wieħed ta’ djalogu li mhuwiex mifni bl-instabilità.