Filmat: Vittma tirrakkonta kif ħelset mill-jasar tad-droga

Read in English.

Raġel li għal xi snin kien dipendenti mid-droga qal li b’maturità u dixxiplina miegħek innifsek iwasslu għal fejqan mid-droga. Huwa qal dan fil-programm Newsbook Hour fuq 103 fejn qasam l-esperjenza tiegħu ta’ fejqan mill-jasar tad-droga. Huwa sostna li b’moħħ miftuħ u umiltà, persuni bħalu waslu biex iwaqqfu d-droga.

Il-persuna li ma xtaqx jiġi identifikat fisser din l-esperjenza bħala “jasar”. Skontu, id-droga hija “xi ħaġa li ma tkunx tridha mija fil-mija” imma qal li tant ikollok bżonnha fiżikament u mentalment li ma tkunx tista’ toqgħod mingħajrha, “ma tkunx taf aħjar minn hekk”.

Fil-programm huwa spjega li beda jieħu d-droga eroina ta’ 18-il sena għaliex kien kurjuż. Huwa qal li ma kienx jitgħallem mill-esperjenzi ta’ ħaddieħor għax ried li jesperjenzha hu. Qal li minħabba f’hekk huwa bata l-konsegwenzi.

Dwar l-ispejjeż involuti biex tmantni din id-dipedenza kerha, ir-raġel jgħid li huma jonfqu flus kemm ikollhom u ma hemmx limitu. Stqarr li meta hu kien dipendenti mid-droga kien jonfoq anki sa €1,000 għal 10 pakketti. Fisser li mhux kulħadd ikollu dawn il-flus u għaldaqstant jirrikorru għal droga irħas li tiswa madwar €30 kull darba.

Stqarr li persuni bħalu jibdew jgħixu għad-droga u jieħdu d-droga biex jgħixu.

Marica Cassar, uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi ta’ Caritas Malta qalet li kienet tweġġgħa meta persuni li qatt ma ħadu droga f’ħajjithom jidħlu fil-ħabs jispiċaw dipendenti fuq id-droga.