Filmat: Vidjow mużikali ġdid minn Sebastian Calleja

Il-kantant Sebastian Calleja llejla ħareġ silta mużikali ġdida bl-isem ta’ Touch, b’lirika ta’ Aidan Cassar, mużika ta’ Matteo Depares, u bi produzzjoni ta’ WickedandLoud. Is-silta għandha wkoll vidjow mżewwaq bil-lirika. Dan kien maħdum minn Duane u Angie Laus.

Touch hija silta sajfija bi stil kompletament ġdid għal Calleja bħala kantant, li llum il-ġurnata huwa assoċjat mal-programm televiżiv tal-Ħadd filgħodu Ħadd Għalik, fejn huwa wieħed mill-kantanti residenti.

Touch mhux l-ewwel vidjow mużikali għal dan il-kantant żagħżugħ. Ftit taż-żmien ilu nfatti rajnih fi dwett mal-kantant Renato permezz tad-diska Qalu Li Raw, cover version tal-kanzunetta li oriġinarjament irrekordjaha l-Bayzo.

Kellu wkoll il-vidjow tal-kanzunetta Triq Waħda bis-sehem ta’ bosta personalitajiet Maltin.

Calleja ħa sehem ukoll f’bosta kompetizzjonijiiet mużikali fosthom il-Konkors Kanzunetta Indipendenza, Sanremo Junior, u Microfono D’Oro.