Filmat: Vidjow mużikali ġdid minn Nicole Brincat ma’ Manu G

Il-vidjows mużikali lokali reġgħu qed jieħdu spinta ‘l quddiem u b’mod regolari qed nisimgħu b’kantanti li qed iniedu x-xogħol tagħhom.

Fl-aħħar sigħat kienet Nicole Brincat li nediet l-ewwel single u vidjow mużikali. Por Favor huwa l-isem tal-kanzunetta li hi rrekordjat ma’ Manu G u jidher biċ-ċar li din il-kanzunetta ntlaqgħet tajjeb.

Tant hu hekk li f’madwar 17-il siegħa, dan il-vidjow mmarka aktar minn 24 elf darba li n-nies daħlu fuqu biex jarawh.

Il-kanzunetta Por Favor hi waħda tajba ħafna għal dawn iż-żminijiet tas-sajf u ċertament se tkun silta li min jiffrekwenta l-klabbs se jkun qiegħed jiżfen għal din il-kanzunetta.

Is-silta Por Favor hi miktuba minn Muxu filwaqt li l-produzzjoni u r-rikording tal-kanzunetta sar minn Cyprian Cassar f’Somnio Studios.

Il-vidjow mużikali għandu direzzjoni ta’ Reuben Testa u Ishmael Valletta.

Din il-kanzunetta bla dubju li se tkun qed tiftaħ il-bibien għal aktar opportunitajiet għal Nicole fix-xena mużikali.