Filmat: ​Veru nsejnihom lil ħutna Nsara ppersegwitati?

Il-qagħda tal-libertà reliġjuża fid-dinja, l-istat tal-Insara ppersegwitati u l-għajnuna li nistgħu nagħtuhom fil-bżonnijiet tagħhom kienu fost it-temi diskussi lbieraħ waqt it-tnedija tar-rapport Persecuted and Forgotten?, li bih il-fondazzjoni Kattolika Aid to the Church in Need trid tkompli toħloq kuxjenza dwar din ir-realtà.
Ir-rapport jittratta “l-Kristjani ppersegwitati minħabba l-Fidi tagħhom” bejn l-2013 u l-2015, u jevalwa s-sitwazzjoni ta’ 22 pajjiż fejn hemm ksur serju tal-libertà reliġjuża, inklużi attakki fiżiċi, ħtif u qtil.
Għat-tnedija tiegħu, li saret fis-Sala Madonna tal-Karmnu f’Birkirkara, l-Aid to the Church in Need stiednet f’Malta lil Dr Khalil Ibrahim Jaar, kappillan Kattoliku ta’ parroċċa qrib Amman, fil-Ġordan, li ilu 25 sena involut fil-ħidma umanitarja mar-refuġjati u l-Insara li kellhom jaħarbu minn reġjuni oħra tal-Lvant Nofsani u jfittxu kenn hemmhekk.
Ma’ Newsbook.com.mtStephen Axisa, id-Direttur Nazzjonali tal-fergħa Maltija tal-ACN, qal li l-Papa Franġisku bagħat messaġġ permezz tal-Kardinal Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, fejn wera kemm “japprezza l-isforzi ta’ dawk involuti fil-produzzjoni ta’ dan ir-Rapport u li jġibu għall-attenzjoni tad-dinja l-għawġ u t-tbatijiet tal-Kristjani ppersegwitati minħabba l-fidi”.
Riċerka preċedenti mill-istess fondazzjoni kienet diġà wriet li l-Kristjaneżmu huwa l-aktar reliġjon ippersegwitata fid-dinja.