Filmat: Vanessa u Francesca, tewmin bl-awtiżmu li qatt ma qalu sentenza

Għin lid-Dar tal-Providenza

Read in English.

Vanessa u Francesca huma tewmin bl-awtiżmu li qatt f’ħajjithom ma qalu sentenza. Meta kellhom 15-il sena huma marru joqogħdu fid-Dar tal-Providenza għax ommhom u missierhom ma setgħux iżommuhom aktar, peress li ma setgħux jafdawhom waħedhom għax kienu jweġġgħu.

Missier it-tewmin William jirrakkonta kif imnalla kienet id-Dar tal-Providenza għall-familja tagħhom, għax b’hekk, il-ġenituri għandhom rashom mistrieħa li ladarba jiġu neqsin huma, hemm min jieħu ħsieb lil uliedhom.

Huwa semma kif l-awtiżmu hija ħaġa kontinwa, mhux ta’ darba f’ġurnata. Waħda mit-tewmin tiċċaqlaq mhux ħażin, it-tnejn nervużi u jbatu biex jitkellmu. Din il-kundizzjoni għamlithom perikolużi għalihom infushom peress li l-ġenituri ma setgħux jafdawhom waħedhom, għax jaf iwaddbu xi ħaġa u jweġġgħu. Missierhom qal li fil-15-il sena li għamlu joqogħdu d-dar, kienu qishom f’dormitorju, bil-bibien imsakkrin minħabba f’hekk, u hu u martu qatt ma raqdu lejl sħiħ.

Vanessa Francesca Dar tal-Providenza

Għalhekk, huma marru joqogħdu f’Dar Pirotta f’Birkirkara, dar fil-komunità mmexxija mid-Dar tal-Providenza. Hemmhekk, jgħid William, Vanessa u Francesca huma għal qalbhom ferm, għax għandhom carers tal-ġenn li jagħtuhom l-attenzjoni għal 24 siegħa kuljum. “L-imħabba li juruhom hi xi ħaġa inkredibbli,” qal il-missier.

“Issa dik id-dar tagħhom”

Hu u martu kellhom id-drawwa li joħorġu lil uliedhom tal-anqas darba fil-ġimgħa, iżda din id-drawwa kellha tieqaf ħesrem meta feġġet il-pandemija tal-Covid-19. Jirrakkonta l-għafsa ta’ qalb li jħoss li jara lil uliedu minn wara l-perspex, u ma jistax imisshom jew jikkomunika magħhom kif kien qabel. “Problema kbira l-Covid, nimmissjawhom ħafna,” jistqarr William, u jgħid li qed jistenna li l-pandemija tgħaddi bil-ħerqa ħalli jerġa’ joħroġhom ftit.

Hu jiddeskrivi lid-Dar tal-Providenza bħala “il-barka t’Alla għal ħafna nies bit-tfal bħal tiegħi.” Jgħid li wliedu tant huma għal qalbhom jgħixu hemm, li meta jkunu żjara fid-dar tal-ġenituri tagħhom, meta jsir il-ħin ifakkruhom li sarilhom il-ħin u jgħidulhom biex joħduhom id-dar, “għax issa dik id-dar tagħhom,” itemm jgħid William.

Kif tista’ tgħin?

Il-maratona annwali tad-Dar tal-Providenza se ssir fl-1 ta’ Jannar bl-isem Festa ta’ Ġenerożità.

Bħal kull sena, il-festa se tkun trażmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni bejn nofsinhar u nofsillejl. Il-pubbliku se jkun jista’ jagħti donazzjoni billi jċempel fuq in-numri li se jidhru, u min jixtieq jagħmel pleġġ jista’ jċempel fuq numru tal-posta, bid-donazzjoni tagħhom tintbagħat online jew bil-posta.

Wieħed jista’ jibgħat id-donazzjoni tiegħu b’wieħed minn dawn il-mezzi mil-lum sal-ewwel tas-sena. Id-donazzjonijiet li se jidħlu mil-lum sal-ewwel tas-sena se jkunu inklużi fis-somma totali li titħabbar fi tmiem il-maratona.

  • €10         51602012
  • €15         51702013
  • €25         51802014
  • €50         51902085
  • SMS €7   50618922
  • BOV Mobile  79324834
  • Paypal 79324834

Wieħed jista’ jibgħat id-donazzjoni tiegħu permezz ta’ ċekk f’dan l-indirizz:

Id-Dar tal-Providenza
Triq Lapsi
Is-Siġġiewi  SGW2822

103 Malta’s Heart għada se jkollu maratona ta’ 30 siegħa b’risq id-Dar tal-Providenza, ippreżentata minn Arthur Caruana, Ron Briffa u Ian Busuttil Naudi.