Filmat: “Urew li jridu rappreżentanti li jitkellmu favur Malta u Għawdex” – Cutajar

Read in English.

Il-kandidata għal Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista Josianne Cutajar sostniet li n-nies, bil-vot tagħhom urew li jridu rappreżentanza Ewropea li titkellem favur Malta u Għawdex, lil hinn milli tagħmel il-ħsara.

Dan qalitu hi u titkellem ma’ Newsbook.com.mt mis-sala tal-għadd tal-voti hekk kif issa il-ħin dejjem qed joqrob sabiex jiġu żvelati r-riżultati uffiċjali. Aktar kmieni, sorsi ta’ Newsbook.com.mt qalu li l-Partit Laburista se jtella’ erba’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jitlef wieħed u jtella’ żewġ siġġijiet. Rapporti qed jgħidu li hemm ċans li Cutajar hija wieħed minn dawk li ġew eletti.

Cutajar qalet li issa baqa’ l-aħħar proċess li se tkun qed issegwi filwaqt li tħalli l-għażla f’idejn il-poplu. Sa issa qed jiġi rrapurtat li l-Partit Laburista kiseb aktar minn 50,000 vot aktar mill-Partit Nazzjonalista.

AQRA: X’inhu għaddej fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar?

Mistoqsija għar-reazzjoni tagħha għall-aħbar li hemm ċans kbir li ġiet eletta, Cutajar qalet li jekk dan ikun minnu tieħu r-riżultat b’umilta u tirringrazzja lil dawk kollha li wrew fiduċja fiha u l-kandidati l-oħra tal-Partit Laburista. 

Sostniet li temmen li r-rebħa storika turi li l-persuni diversi li vvutaw għarfu l-ġid li qed jagħmel il-Partit Laburista u l-importanza tal-ħidma tal-Prim Ministru Joseph Muscat bħala mexxej u l-kandidati ta’ miegħu. Qalet li issa se jippermettulhom sabiex ikomplu jwettqu aktar ħidma, anke fil-qasam Ewropew.