Aġġornata: L-FKNK tiċħad li uffiċjal tagħha spara fuq gamiema

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=cF462VSZ_To]

Aġġornata bir-reazzjoni tal-FKNK 21.59 (ara isfel)
Filmat li qed jiġi mxerred mill-Bird Life Malta allegatament juri uffiċċjal tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) jispara fuq gamiema waqt li kien għall-kaċċa fil-Miżieb.
Fi stqarrija, il-Bird Life qalet li dan sar ftit qabel ma għalaq l-istaġun is-Sibt li għadda.
Fl-aħħar jiem, il-Bird Life irrappurtat li kien qed ikun hemm abbużi kbar matul l-istaġun tal-kaċċa fejn semmew li l-ammont ta’ summien li nqabad kien baxx ħafna meta kkumparat mal-eluf ta’ tiri li qalu li nstemgħu.
Tul dan l-istaġun tal-kaċċa li beda fl-1 ta’ April u għalaq fit-22 ta’ April, il-kaċċaturi ma setgħux jikkaċċjaw il-gamiema minħabba li hija għasfur protett, u l-istaġun kien miftuħ biss għas-summien.
Fl-istqarrija l-għaqda sostniet li għandha filmati li juru l-kaċċa illegali li twettqet fuq il-gamiema tul it-tieni parti tal-istaġun, liema filmati għaddewhom lill-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva (ALE) tal-Pulizija.
Skont l-istqarrija tal-Bird Life, l-uffiċjal tal-FKNK, li għandu pożizzjoni fis-sottokumitat tal-organizzazzjoni għall-Miżieb, jidher f’filmat minnhom miġbud fis-16 t’April. Hu jidher qed iqum bilwieqfa, jgħolli s-senter u jispara fuq gamiema tliet darbiet wara xulxin. Fil-filmat jidher ukoll l-għasfur jaqa’ mis-sema.
Il-Bird Life sostniet li l-Miżieb huwa “kalamita għall-gamiem u mhux għas-summien” u ma jipprovdix ambjent adegwat għas-summien.
Għal din ir-raġuni, il-Bird Life sostniet li l-moratorju fuq il-kaċċa għall-gamiema kien biss daħqa fil-wiċċ, “bil-kaċċaturi jinjorawh b’mod deliberat”.
Fl-istqarrija żvelaw ukoll li wara li għalaq l-istaġun tal-kaċċa, il-Bird Life baqgħet tirċievi għasafar protetti mejtin u milqutin li kollha ġew ikkonfermati minn veterinarju. It-total tal-għasafar mill-bidu tal-istaġun, sal-lum tela’ għal 22, żieda ta’ seba’ għasafar protetti meta mqabbel mal-2017.
"Aħbar infondata" għall-FKNK
Intant bi tweġiba, l-FKNK qalet li din l-aħbar hija infondata u baqgħet issostni li se tieħu l-passi meħtieġa fil-konfront ta’ kull azzjoni illegali, kif dejjem għamlet.