Filmat: Uċuħ ġodda u oħrajn stabbiliti fit-tielet staġun ta’ Fattigi

Catherine

It-3 staġun ta' FATTIGI jibda nhar il-Ħamis 1 ta' Ottubru fuq Net Television. Catherine waħda mill-fattigi li għamlu din is-serje tant popolari. Ġedded il-memorji bl-istorja ta' Catherine f'dan il-filmat. Produzzjoni: Watermelon Media, Kitba/Direzzjoni Bryan Muscat

Posted by Fattigi on Monday, August 24, 2020

Minbarra l-karattri stabbiliti fis-serje televiżiva Fattigi li se tkompli fuq l-istazzjon Net mill-Ħamis 3 ta’ Ottubru, Watermelon Media li huma l-produtturi ta’ din is-serje qalu lil Newsbook li se naraw għadd ta’ karattri ġodda li mistennija jikkumplimentaw jew jikkumplikaw l-istejjer tal-karattri ewlenien.

Fost dawn se jitfaċċaw impjegati ġodda fid-dar residenzjali li issa qed tmexxi Catherine, bħal Abigail, care worker, parti li se tiġi nterpretata mill-attriċi Koren Scicluna. Abigail ilha għal dawn l-aħħar ghoxrin sena taħdem f’dan il-qasam vokazzjonali li għaliha mhux sempliċi impieg iżda jfisser ħafna iżjed. Ma’ tmurx hemm għal paga biss, iżda għax temmen fil-missjoni li tgħin lil dawn it-tfal u ż-żgħażagħ, biex ikollhom hajja kemm jista jkun stabbli.

Waħda mit-terapisti li jaħdmu fil-home, Nathalie, interpretata minn Tricia Fenech Fabri, se tkun qed taħdem mill-qrib ma’ xi whud mir-residenti sakemm issib ma wiċċha sitwazzjoni fejn ikollha tuzaha r-riżorsi kollha tagħha biex it-tfal u ż-żgħażagħ jikkonfrontaw it-trawmiet li għaddew minnhom biex sabu ruhom fil-home. Qatt ma basret dak li se ssib ma wiċċha.

Għalkemm karattru li deher ftit fl-istagun li għadda, Clara (Claire Marie Busuttil), se terga’ tkun magħna f’dan l-istaġun, din id-darba b’impenn akbar. Hemm storja partikolari ħafna li se ddur ma’ din it-tfajla, xi ħaġa li lanqas il-produtturi ma kienu qed jistennew li se jsibu quddiemhom qabel kitibha l-awtur tas-serje Fattigi: Bryan Muscat.

David Sciortino, il-kriminal b’saħħtu li smajna dwaru kemm-il darba fiż-żewg staġuni li għaddew, il-moħħ wara s-serq tat-trabi u l-moħħ wara l-ħtif ta’ tfajliet innoċenti għal skopijiet ta’ traffikar, issa se jidher għall-ewwel darba fit-tielet staġun ta’ Fattigi. Il-parti se tinħadem mill-attur magħruf Peter Galea. Lil Scortino se narawh il-ħabs, wara li kien arrestat u tressaq mill-ispettur Axisa, il-maħbub ta’ Catherine. Imma Sciortino għandu rwol importani ħafna l-istorja ta’ dis-sena. Tant hu importanti dan il-karattru li l-preżenza tiegħu tibda tinħass sew, qabel ma jitfaċċa fuq l-iskin tat-televiżjoni tagħkom. Ħudu ħsieb u nnottaw xi jkun qed jiġri sa mill-bidu tat-tielet staġun għax meta jidher Scortino tirrealizzaw l-importanza ta’ dan il-karattru.

Se niltaqgħu wkoll ma’ Dorothy(Kimberly Vella Cioffi), omm Svetlana. Se naraw il-ħajja ta’ Svetlana issa li reggħet ingħaqdet ma’ ommha wara numru ta’ snin fil-home.

Edwin (George Micallef), eks barman, se jkun imdaħħal f’ċirku daqsxejn oskur, fejn isiru ħafna arranġamenti fix-xifer tal-ġustizzja. Fl-istess ċirku se naraw lil Paul (Fabio Mifsud), li hu l-id il-leminija ta’ Wesley (Clayton Pace). Wesley huwa l-kap t’aġenzija lleċita li ssellef il-flus fuq l-idejn b’rati tal-imgħax kbar wisq. Dawk li jinqabdu f’dan iċ-ċirku ta’ użura mhux dejjem joħorġu minnu ħajjin. “Stejjer dwar l-użura rajna ħafna, iżda din għandha laqta partikolari,” jgħid l-awtur Bryan Muscat. Se jkun hemm storja għaddejjha fejn il-kobba tkompli titħabbel. Fost dawk indaħla sew fil-barbuljata se naraw lit-‘Tronki’, karattru interpretat minn Christopher Barbara li huwa wkoll x-xufier ta’ Wesley, iżda xogħlu mhux biss ta’ xufier.

Hekk kif Jonathan jinsab il-ħabs jistenna l-kawża tiegħu ta’ femmiċidju tibda fil-qorti,  nafu li keċċa lill-avukat li kellu: Rudolph. Jonathan għandu mod kif jagħżel l-avukati tiegħu, fil-fatt diġa rajnieh jaħdem bl-avukat il-ġdid Richard Attard Degabriele (Vince Micallef Pulè). Jekk Rudolph kien avukat bla skruplu, stennew ħa taraw biex se joħroġ Dr. Attard Degabriele fit-tielet staġun ta’ Fattigi.

U għal kull dell oskur hemm qamar jiddi. Hekk se niskopru meta niltaqgħu mal-avukat ta’ Catherine, Helen (Rowena Gauci Davison).

It-tielet staġun ta’ Fattigi mistenni li jkollu ħafna iżjed sfumaturi ġodda. Fost dawn hemm numru ta’ tfal u żgħażagħ ġodda li bdew jgħixu fil-home immexxija minn Catherine (Sarah Camilleri). Se niltaqgħu ma Hannah, tfajla partikolari bi storja speċjali. Il-parti ta’ Hannah se tigi nterpretata minn Nina Stella Buhagiar.  Imma minbarra fl-atturi ġodda u oħrajn stabbiliti li se jingħaqdu mal-karattri diġà maħbuba tas-serje Fattigi, se naraw ukoll trasformazzjoni ta’ dak li kien l-istitut u li issa sar home għal ħafna tfal u professjonisti. Se naraw ukoll trasformazzjoni fil-karattru ta’ Frances, (Veronica Farrugia), li issa trid taddatta għall-ħajja miżżewġa, kif trid tagħmel ukoll Mandy (Lenies Gauci) wara t-tieġ tagħha ma Mark. It-tlett Fattigi għaddew minn bidla kbira f’ħajjithom u issa se narawhom jiffaċċjaw sfidi ġodda matul it-tielet staġun.